“Qisni qed ninfired minni nnifsi” – Evarist Bartolo

Miguela Xuereb

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-bidla fil-Ministeru tiegħu wasslitu sabiex iħossu bħal qisu qed jinfired minnu nniffsu.

Fuq Facebook, Bartolo rringrazzja lil dawk kollha li awgurawlu għall-ħidma l-ġdida li se jibda mil-lum u sellmulu għall-ħidma li ħalla warajh.

Taħt Joseph Muscat bħala Prim Ministru, Evarist Bartolo kien qed iservi bħala Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Filwaqt li dan il-Ministeru, taħt il-Prim Ministru Robert Abela, ġie mgħoddi lill-Ministru Owen Bonnici, Bartolo issa ħa f’idejh il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Bartolo spjega li l-aħħar jiem kienu jiem ta’ emozzjonijiet qawwija għalih. Qal li qisu f’salt kien ferħan bi twelid ġdid u mbagħad imnikket bil-mewt ta’ persuna għażiża. Din il-mewta tirreferi għar-rabta mal-kariga li kellu qabel, li qed iħossu bħal qisu tilef parti minnu stess.

“Irrid ngħud grazzi kbira lil dawk kollha li ħdimna flimkien fl-oqsam tal-edukazzjoni u x-xogħol. Sar ħafna. Għamilna ħafna u fadal xi jsir. Żewġ oqsma li jinbidlu mal-ħajja u jibdluha,” temm jgħid Bartolo.

Din il-bidla ta’ portafoll kienet waħda mill-ħafna li implementa Abela fil-Kabinett tiegħu. Fid-diskors tiegħu wara l-ħatra tal-Kabinett, Abela sostna li bidla tat-tip tagħti wiċċ ġdid lill-Kabinett. Sostna li jemmen li l-Kabinett tiegħu huwa l-aqwa wieħed s’issa.