Qisha tnisslet l-idea li San Ġiljan sar il-“Far West ta’ Malta”

Is-Sindku ta' San Ġiljan jirreaġixxi għall-inċident li seħħ f'lejlet l-ewwel tas-sena

Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg stqarr li qisha tnisslet l-idea li l-lokalità ta’ San Ġiljan bħal donnha saret il-“Far West ta’ Malta”. Fid-dawl tal-inċident li seħħ lejlet l-ewwel tas-sena f’Paceville, Albert Buttigieg, kiteb imejl lill-Kummissarju tal-Puliżija Angelo Gafà u lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg, biex jesprimi t-tħassibtiegħu dwar dak li qiegħed jiġri fil-lokalità.

Aqra iktar dwar x’ġara f’San Ġiljan
Filmat: Ġlieda f’Paceville; 3 persuni l-isptar

Filwaqt li rringrazzja lill-Korp tal-Pulizija għall-ħidma tagħhom, stqarr kif dak li ġara mhuwiex aċċettabbli u ma jistax ikun li f’San Ġiljan jibqgħu jsiru dawn it-tip ta’ inċidenti. Saħaq kif mhuwiex ġust li dan l-istabbiliment ma kienx magħluq bħalma kienu diversi stabbilimenti oħrajn fuq id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Staqsa wkoll għalfejn qiegħed jiġi rrappurtat li f’dan l-istabbiliment partikolari kien hemm ħafna nies miġbura filwaqt li d-direttivi mogħtija mill-awtoritajiet konċernati kienu jitolbu mod ieħor.

Qal ukoll li mhuwiex sewwa li ħafna min-nies baqgħu ġewwa u mxew mar regoli u oħrajn ġew “jaqgħu u jqumu”.

Sostna kif filwaqt li l-Awtorità tat-Turiżmu qiegħda tagħmel sforzi kbar biex ittejjeb il-prodott turistiku f’dan iż-żmien diffiċli, għandu jkun fl-interess tagħhom li ma jkunx hemm stabbilimenti li jagħtu isem ħażin lil-lokalità. Qal li wasal iż-żmien li ma jibqgħux jibżgħu jieħdu lura l-liċenzji jekk irridu li jkollna prodott turistiku ta’ kwalità.

Albert Buttigieg qal li jistenna li jittieħdu azzjonijiet serji u ċari.