“Qerdu żona daqs Malta; ħuti ma jistgħux jorqdu bil-lejl” – Sirjan f’Malta

Mazen, Sirjan li jgħix Malta, saħaq li Ghouta, iż-żona li qed tiġi bbumbardjata fis-Sirja, u li fiha daqs Malta, kważi kważi nqerdet kollha.
Mazen tkellem waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, fejn qal li għandu ħutu jgħixu f’Damasku, 10 mili biss ‘il bogħod minn Ghouta.
Hu spjega kif ħutu ma jistgħux jorqdu bil-lejl hekk kif il-ħin kollu jisimgħu l-missili għaddejja minn fuq rashom, li minkejja li mhumiex direzzjonati lejhom, jafu li qed jolqtu u joqtlu nies innoċenti.
Kompla jgħid li l-ħames sigħat ta’ waqfien mill-ġlied (cease-fire) kuljum, ordnati min-Nazzjonijiet Magħquda (UN), sabiex joħorġu n-nies miż-żona u tingħata l-opportunità li jitwasslulhom il-mediċini, ma jfissru xejn jekk il-UN mhix se tissielet sabiex twaqqaf il-gwerra kompletament.
Fl-aħħar ġimgħat, il-midja soċjali ntliet b’messaġġi, ritratti u filmati li juru bosta tfal, nisa u rġiel li sfaw vittmi ta’ din il-gwerra.
“Ejja ma nħallux lill-bniedem isir lupu għal bniedem ieħor” – L-Isqof Grech
Waqt Newsline tkellem ukoll l-Isqof t’Għawdex fejn qal li l-gwerra qed tikxef bassezza fil-bniedem u safrattant qed toħloq ir-riskju li bniedem isir lupu għal bniedem ieħor.
Huwa kompla jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi ma jistax jibqa’ aljenat minn dak li qed jiġri xiber il-bod. Spjega kif f’dawn iż-żminijiet, mijiet jipparteċipaw fil-bosta attivitajiet organizzati fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira, u hija ħaġa tajba, imma huwa ta’ nkwiet jekk il-qalb ma tħabbatx għan-nies li qed ibatu fis-Sirja.