Qed tuża platti iżgħar biex tiekol inqas?

Li tuża platti iżgħar biex isservi l-ikel sabiex taħseb li kilt biżżejjed, mhux se taħdem għad-dieta tiegħek. Hekk turi riċerka ġdida li tispjega li meta tkun bil-ġuħ, tkun kapaċi tagħraf eżatt il-porzjon tal-ikel u ma jagħmel l-ebda differenza l-mod kif jiġi ppreżentat.

Dik li tissejjaħ id-Delbouef illusion ġiet pruvata li ma taħdimx fil-każ tal-ikel. Din hija illużjoni viżwali fejn tikka imdawra b’ċirku kbir tipikament tidher iżgħar mill-istess tikka imdawra b’ċirku żgħir. It-teorija kienet maħsuba li taħdem ukoll għall-ikel u li l-moħħ jista’ jiġi ngannat biex jiekol inqas jekk l-ikel jiġi ppreżentat fi platti żgħar.

Dr Tzvi Ganel mill-Università ta’ Ben-Gurion li mexxa r-riċerka jispjega li d-daqs tal-platt ma jagħmilx daqstant differenza daqs kemm kien maħsub. Jgħid li “anke jekk inti bil-ġuħ u għadek ma kiltx, jew qed tipprova tnaqqas il-porzjonijiet, id-daqs tal-ikel servut jidher l-istess kemm fi platt żgħir kif ukoll fi platt kbir.”

L-istudji ġie ppublikat fir-rivista Appetite u hu l-ewwel tat-tip tiegħu li investiga kif iċ-ċaħda mill-ikel taffetwa l-mod kif inħarsu lejn l-ikel f’kuntesti differenti. Sabu fost l-oħrajn li persuni li ma jkunux kielu għal mill-inqas tliet siegħat kellhom ċans akbar li jagħrfu b’mod korrett id-daqs tal-pizza mpoġġija quddiemhom fi platti kbar u żgħar, meta mqabbla ma persuni li ma jkunx ilhom li kielu. Iżda dan l-ipproċessar analitiku instab li jaħdem biss mal-ikel u biex jagħrfu d-daqs ta’ tikka indawra f’ċirku. Skont ix-xjentisti dan juri li l-ġuħ jistimola proċessi analitiċi iktar b’saħħithom u ma jiġix ingannat minn illużjonijiet.

Dr Ganel qal li fl-aħħar għaxar snin, iktar ristoranti qed jużaw platti iżgħar biex jippruvaw inaqqsu l-konsum tal-ikel u jagħtu l-impressjoni li qed iservu porzjonijiet ikbar. Dan l-istudju juri li din is-sistema ma taħdimx.