Qed tnixxef lil Għawdex mill-konnettività biex timbotta l-mina – Delia

Il-Kap tal-Partit Adrian Delia, waqt attività politika f’lukanda fl-Imġarr Għawdex, ikkritika d-deċiżjoni li ħa l-Gvern, għaliex ma kkonsultax qabel ma nieda il-proċess biex issir il-mina ma’ Għawdex. Saħaq li deċiżjoni bħal din nixxfet lill-Għawdxin mill-mezzi kollha ta’ konnettività, nixxifhom mill-cargo ferry, fast ferry u anke mir-raba’ vapur u jekk jista’ jkun anke mill-ħames vapur, mezzi li jfissru mal-100 vjaġġ żejjed kuljum lejn Għawdex.

Delia waħħal ukoll fin-nuqqas ta’ konnettività meta riċentament, fl-isptar ta’ Steward Healthcare f’Għawdex, raġel spiċċa miet minħabba li ma twassalx Malta. Saħaq kif ir-responsabbilità trid tintrefa’ biex dawn l-affarijiet ma jibqgħux jseħħu. Iddeskriva l-kuntratt tal-isptar bħala ‘wieħed malinn’, biex il-Gvern minnu jkun jista’ jaqla l-miljuni, minflok ma dawn imorru fuq is-saħħa tal-Għawdxin.

Iżjed barranin minn Maltin fis-settur pubbliku

Delia qal li fil-5/6 snin li ġejjin, se jkun hawn iżjed barranin milli Maltin jaħdmu fis-settur privat. Wera l-fehma li Malta tilfet kull sens ta’ kompetittività, għaliex huwa ogħla li tikri appartament gewwa Malta milli ġo l-Italja. Sostna li dan jaffettwa ħafna lill-istudenti Għawdxin, għax il-kera minn €300 f’xahar telgħet għall-€1000 fix-xahar.

Meta tkellem dwar l-iskola primarja tar-Rabat Għawdex, Delia qal li ilha mwiegħda mill-2015 u għadha bdietx il-ħidma fuqha. Saħaq li bħala Partit, ħa jibqgħu jippreżentaw proposti fuq kundizzjonijet bħall-awtiżmu, sabiex il-Gvern jagħti iżjed possibilitajiet biex uliedhom jieħdu ħsiebhom bl-aħjar mod. Semma anke l-kwistjoni tal-klassijiet fil-kontejners ta’ San Pawl il-Baħar u sostna kif il-Gvern m’għandux pjan fl-edukazzjoni.

Fl-aħħar nett tkellem fuq l-anzjani, u qal li l-Gvern mhux jagħti kas tal-anzjani. Żied jgħid li bħala Prim Ministru, Muscat qed jieħu deċiżjonijiet b’konsegwenzi perikolużi għal bosta nies.