“Qed tixxaħħaħ mal-għalliema”; PN, “Kellna nibdew mill-qiegħ”; PL

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jixxaħħaħ mal-għalliema u mhux joffrilhom il-kundizzjonijiet li jixirqulhom, u l-Partit Laburista wieġbu li kien Gvern Nazzjonalista li ħalla ’l għalliema jaqgħu lura b’żidiet deskritti “miżerabbli” ta’ 1%.
Iż-żewġ partiti politiċi kienu qed iħaqquha ma’ xulxin wara l-istqarrija tal-PN dwar l-għalliema fl-MCAST, li l-ġimgħa l-oħra rċevew direttivi ġodda mill-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), minħabba li ma kienx hemm qbil fuq il-ftehim kollettiv.
Il-PN qal li bid-deċiżjonijiet tiegħu l-Gvern qed iġib qasma fost l-edukaturi, u minn dan qed ibatu anki l-istudenti.
Newsbook.com.mt kien tkellem ma’ studenta li qaltilna dwar dak li għaddejja minnu minħabba l-azzjonijiet industrijali tal-għalliema fl-MCAST.
Min-naħa tiegħu l-PL qal li dan il-Gvern kellu jibda mill-qiegħ biex jinnegozja titjib mal-għalliema minħabba d-deċiżjonijiet li kienu ttieħdu mill-Gvern preċedenti, u għalhekk in-negozjati kienu ferm itqal.
“Fil-fatt kien għalhekk iġġustifikat li l-għalliema jitolbu u jingħataw żidiet li qatt ma ngħataw bħalhom qabel għax kienu l-iktar professjoni li tħalliet taqa’ lura fi snin preċedenti”, kompla l-PL.
Għal dan il-PN wieġeb li wara l-wegħda tal-Gvern li l-għalliema se jiżdiedu sostanzjalment fil-paga, dawn irrealizzaw li ż-żieda li ħadu mhux daqskemm stennew.
“Id-dettalji li ġew żvelati minn dan il-ftehim huma daqqa ta’ ħarta għall-għalliema li żgur m’għandhomx bżonn aktar demotivazzjoni u skoraġġiment”, sostna l-PN.
Temm jgħid li l-Gvern irid ipoġġi lill-għalliema kontra l-MUT, għax skont il-partit, il-Gvern ried jasal fi ftehim minn wara daharhom.
Newsbook.com.mt kien ippubblika l-ftehim settorjali sħiħ, u ftit jiem wara waqt laqgħa l-President tal-MUT, Marco Bonnici, kien qal li l-Gvern talabha ma tippubblikax numri taż-żidiet, iżda ċifri biss.