“Qed tistieden xi tir” – raġel lill-Arċisqof Frendo fl-Albanija

Raġel fl-Albanija qal lill-Mons. George Frendo, li bħalissa qed iservi bħala Arċisqof tal-pajjiż, li qed jistenna xi tir talli qed jaqbeż għal min hu fqir u sfruttat.
Dan qalu waqt intervista ma’ Fr Joe Borg fuq RTK 103FM.
Il-Mons. Frendo qal li għaldaqstant ma jħossux li qed jiġi mhedded hekk kif iħoss li fl-Albanija hemm il-libertà tal-kelma, iżda jgħid li ma jieħu xejn bi kbir jekk jitfaċċa xi ħadd b’ras sħuna.
Id-diskors ġie wara li l-Mons. Frendo ippubblika xi artikli li jisfidaw lill-Gvern sabiex iqis iktar lil min hu fqir.
Hu spjega kif wieħed mill-artikli li kiteb fl-aħħar snin kien jistaqsi l-mistoqsija: ‘min qed jieħu ħsieb il-foqra?’ F’dan l-artiklu akkuża lill-Gvern Albaniż ta’ dak iż-żmien li kien qed jaħli ħafna flejjes kbar fuq ċelebrazzjonijiet filwaqt li ħafna nies fil-pajjiż qas biss kellhom post diċenti fejn jgħixu.
Semma wkoll artiklu ieħor li kien jitkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Hu spjega kif fl-Albanija ma jeżistux unjonijiet li jaqbżu għall-ħaddiem u għalhekk il-ħaddiema qed jiġu faċilment sfruttati.
Hu saħaq li l-paga minima hija dik ta’ €150 fix-xahar, anke meta dawn l-istess ħaddiema jaħdmu aktar minn 45 siegħa fil-ġimgħa.
L-Arċisqof Frendo kompla jgħid kif il-qagħad fil-pajjiż huwa għoli, allura ħafna lanqas biss jazzardaw jaqbżu għad-drittijiet tagħhom għax jibżgħu li jispiċċaw bla xogħol.
Propju minħabba f’hekk għamilha l-missjoni tiegħu u tad-djoċesi tiegħu li jkun il-vuċi ta’ dawk li m’għandhomx vuċi u jieħu kull okkażjoni sabiex jitkellem favur dawk li mhumiex privileġġjati fis-soċjetà.