Qed tintwera ostilità lejn ir-reliġjon

Sfortunatament xi aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali qed jaraw ir-reliġjon bħala theddida għall-aġendi tagħhom meta dawn l-aġendi jmorru kontra r-reliġjon u s-sentimenti ta’ parti kbira mill-umanità.
Din l-osservazzjoni għamilha l-Arċisqof Ivan Jurkovic meta kien qed jitkellem fil-Kunsill tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, waqt diskussjoni dwar il-libertà reliġjuża u l-libertà tat-twemmin.
Huwa qal li hekk kif id-dinja saret aktar globalizzata xi pajjiżi qed iqisu l-pluraliżmu reliġjuż bħala theddida u r-reazzjoni tagħhom kien li ma jipproteġux minoritajiet reliġjużi jew jippruvaw jemarġinaw lill-Insara.
Mons. Jurkovic ikkwota mill-kundanna tal-Papa Franġisku lil aġenziji internazzjonali li paradossalment, f’isem id-drittijiet umani, qed jippromwovu “forom moderni ta’ kolonji” billi jippruvaw jimponu l-programmi tagħhom fuq il-pajjiżi fqar bħala kundizzjoni biex jgħinuhom.
L-Arċisqof oġġezzjona bil-qawwa għall-użu tal-frażi “libertà mir-reliġjon” fir-rapport li sar lill-Kunsill mir-rapporteur dwar il-liberta reliġjuża. 
Din il-frażi tesprimi  idea patronizzanti tar-reliġjon u tinsa l-importanza u l-għerf li hemm fir-reliġjonijiet li huma parti integrali mill-kulturi tal-popli madwar id-dinja.
Ir-rapport ippreżentat lill-Kunsill, jgħid fost affarijiet oħra li: “Tratti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Umani huma retiċenti dwar it-tip ta’ relazzjoni li għandu jkollu stat mar-reliġjon jew xi twemmin. Madankollu jimponu doveri fuq l-istati li joffru garanziji imparzjali għat-tgawdija tal-libertà reliġjuża, inkluż id-dritt li jkunu ħielsa mir-reliġjon għal dawk l-individwi u gruppi fit-territorju tagħhom.”
Iżda l-Arċisqof Jukovic irribatta li “Ir-rispett lejn il-konvinzjonijiet ta’ membri ta’ soċjetà partikolari hu l-prerekwiżit li fuqu għandha tinbena kultura awtentika tad-drittijiet umani. Il-ġid komuni hu mira li l-istati kollha u l-komunità internazzjonali jaspiraw għalih.  Il-ġid komuni jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ proċess inklussiv ta’ djalogu li jfittex it-tifsira vera tad-drittijiet u l-libertajiet  fundamentali ta’ kull persuna, li min-natura tagħha tfittex il-verita u tiċċelebraha fl-esperjenza reliġjuża tagħha”.