“Qed tinsteraq rota kważi kuljum”; Il-Kummissarju mitlub jinvestiga

L-Għaqda Mhux Governattiva taċ-Ċiklisti, il-Bicycling Advocacy Group (BAG) talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga ż-żieda qawwija fis-serq tar-roti.
Fl-ittra mibgħuta lill-kummissarju tal-Pulizija, l-NGO qalet li qed tirċievi kważi rapport kuljum ta’ rota li tkun insterqet minn post pubbliku u fid-dawl ta’ xemx.
Fi stqarrija, il-BAG qalet li għandha suspett li dawn qed jintbagħtu Sqallija biex jinbiegħu hemm. Saħqet li filwaqt li dan huwa biss suspett, huwa ċar li dan is-serq qed isir dejjem aktar organizzat.
Il-grupp qed javża lill-membri tiegħu u liċ-ċiklisti kollha biex meta jorbtu r-rota tagħhom jużaw żewġ katnazzi b’saħħithom u jipparkjaw f’postijiet li minnhom jgħaddu ħafna nies.
Appellaw ukoll biex meta jipparkjaw ir-roti għal ħin twil, jieħdu ħsieb li jneħu dwal jew partijiet oħra li jinqalgħu u jżommu ritratt tan-numru tal-frame tar-rota u tar-rota nnifisha biex f’każ ta’ serqa jgħaddu kollox lill-Pulizija.
Il-BAG innota wkoll lill-ħadid magħmul apposta biex jipparkjaw magħhom ir-roti mhux qed jgħin, speċjalment għax lanqas biss tidħol minn tal-inqas rota waħda sħiħa fiċ-ċirku tal-ħadid.
Il-grupp fakkar li l-għan tiegħu huwa li sal-2033 jirdoppja n-numru taċ-ċiklisti f’Malta li jużaw ir-rota bħala mezz ta’ trasport alternattiv u jinnota li jekk din il-mewġa ta’ serq se tibqa’ għaddejja, se jkun diffiċli għalija li tilħaq il-mira.