“Qed tikkonsidra ttemm ħajtek?” – mistoqsija f’waqtha biex tgħin

Ħadd m’għandu jibża’ jfittex l-għajnuna meta jħoss li hu fi bżonn. Ukoll, min hu qrib persuna u jissuspetta li din qed tikkonsidra s-suwiċidju m’għandux jibża jistaqsi “qed tikkonsidra li ttemm ħajtek?”

Dan qalu l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali. Fi stqarrija, huwa semma wkoll statistika dwar is-suwiċidju f’Malta turi li bejn l-2013 u l-2018. Din l-istatistika turi li seħħew bejn 2 u 3 suwiċidji fix-xahar.

Il-maġġoranza kienu rġiel. Żewġ terzi minn dawk l-irġiel kienu fl-età ta’ bejn it-30 u d-59 sena. Fost dawk li tilfu ħajjithom minħabba suwiċidju kienu 25% biss li kienu fittxew l-għajnuna ta’ professjonisti fis-saħħa mentali għall-inqas darba qabel seħħ.

Aqra: Qalulhom li jistgħu joħorġu mill-isptar; 2 suwiċidji jiem wara – Ministeru għas-Saħħa

L-Uffiċċju tal-Kummissarju fakkar li l-10 t’Ottubru huwa l-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali. Żied jgħid li l-prevenzjoni tas-suwiċidju hu dmir ta’ kulħadd, u mhux biss sfida għas-servizzi tas-saħħa. Dan speċjalment biex jiżdied l-għarfien.

Hawn numru ta’ servizzi għall-prevenzjoni tas-suwiċidju. Hemm is-Supportline 179 (FSWS), 1770 (Richmond Foundation), kellimni.com jew is-servizz SPOT fuq 77068688 (Suicide Prevention, Outreach and Therapeutic services ta’ Victim Support Malta). Tista’ wkoll tikkuntattja lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Barra minn hekk, wieħed jista’ jitkellem mat-tabib tiegħu jew taċ-Ċentru tas-Saħħa.