Qed tieħu l-valsartan? Mur għand tabib

L-Awtorità Maltija tal-Mediċini qalet li l-pazjenti li qed jieħdu l-pilloli tal-valsartan għandhom jirrikorru għand it-tabib tagħhom.

Ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Awtorità qalet li l-pazjenti m’għandhomx iwaqqfu l-użu tal-mediċina valsartan qabel ma jkollhom mediċina alternattiva.

Il-kelliema qalet li kull pazjent ikollu l-ħtiġijiet individwali tiegħu, u għalhekk għandu jirrikorri għand it-tabib tiegħu biex ikun jista’ jiggwidah sew.

Il-valsartan hi mediċina li tintuża biex tiġi kontrollata l-pressjoni għolja u għal problemi kardjovaskulari.

L-awtoritajiet tas-Saħħa Maltin kienu bdew il-proċess biex jinġiebu f’pajjiżna mediċini tal-valsartan minn kumpaniji alternattivi, dan għax instabet potenzjalment impurità mhux mistennija fl-ingredjent attiv immanifatturat fiċ-Ċina.

Il-kelliema għall-Awtorità tal-Mediċini qalet li f’Malta hemm madwar 27,000 persuna li jieħdu l-valsartan u li qegħdin fuq l-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek (POYC).

Fil-midja internazzjonali ġie rrappurtat li l-problema fil-mediċina żviluppat madwar sitt snin ilu. Dan wara li sar xi tbidil fil-proċess tal-manifattura. Allura jista’ jkun li numru kbir ta’ pazjenti ġew esposti għar-riskju tal-kanċer.

Skont l-Awtorità, il-fabbrika fiċ-Ċina li kienet timmanifattura l-ingredjent attiv li kien jintuża’ biex tiġi mmanifatturata l-mediċina valsartan minn diversi produtturi kellha ċertifikat tal-‘Good Manufacturing Practice’ minn awtorità kompetenti dwar il-mediċini fl-Ewropa.

“Ġara li l-fabbrika bidlet il-proċess biex ittejbu. Fil-proċess il-ġdid tfaċċat impurità mhux mistennija tal-NDMA (kimika li tikkawża l-kanċer) li ġiet identifakata b’kumbinazzjoni għax l-impurità ma kinitx speċifikata għar-rekwiżiti ta’ dan il-prodott.”

Il-kelliema qalet li l-awtoritajiet tal-mediċini fl-Ewropa qed jistudjaw bir-reqqa is-sitwazzjoni. L-Awtorità tal-Medicini f’Malta b’kollaborazzjoni sħiħa mas-Supretendent tas-Saħħa Publika qed issegwi l-iżviluppi kollha flimkien mal-aġenziji kompetenti tal-mediċini tal-Ewropa u qed taġixxi bl-aħjar interess għall-pazjent.