Qed terġa’ tinqala’ jogging track li nfetħet sentejn ilu – PN

Miguela Xuereb

Il-Kunsillier Nazzjonalista f’Santa Luċija, Liam Sciberras fir-reazzjoni tiegħu dwar ix-xogħlijiet li qed isiru f’Santa Luċija qal li l-Gvern miexi bla pjan hekk kif ftit qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017 inawgura l-jogging track f’Santa Luċija li ġiet tiswa aktar minn €90,000 u issa qed terġa’ tinqala biex isir il-proġett tal-underpass minn tal-Barrani għal Vjal Santa Luċija.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Sciberras ikkundanna bla riserva dak li seħħ ftit tal-jiem ilu meta numru ta’ persuni marru jiprotestaw kontra t-tqaċċit tas-siġar u l-qerda tal-ambjent u spiċċaw ġew insulentati u aggrediti. Dakinhar ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt spiċċa mhedded waqt li kien qed jirraporta u jieħu r-ritratti ta’ dak li kien qed jiġri.

Ara: Ġurnalist mhedded waqt li ħaddiema sakkru żgħażagħ fi protesta

Liam Sciberras qal li ħadd ma jista’ jżomm il-progress però dan m’għandux isir għad-detriment tar-residenti. Żied li huwa pożittiv li d-dħul u l-ħruġ għal Santa Luċija jkun iktar sigur, dan m’għandux iwassal biex is-siġar ikomplu jiġu mqaċċta’ b’detriment għan-nies li joqogħdu Santa Luċija u l-madwar.

Sciberras fakkar li ħafna siġar maturi diġà nqalgħu u appella biex dawn jiġu trasportati b’mod professjonali u jitħawlu f’żoni oħra f’Santa Luċija. Kompla li għandhom jiġu installati sound barriers sabiex ir-residenti ma jkollhomx inkonvenjent ta’ ħsejjes eċċessivi kemm bi nhar kif ukoll bil-lejl.