“Qed taħlu l-ħin tal-Qorti” – Maġistrat lill-Pulizija f’Għawdex

Il-Maġistrat Joseph Mifsud widdeb lill-Pulizija f’Għawdex sabiex jieqfu jressqu każijiet bl-addoċċ quddiem il-Qorti hekk kif qed jaħlu l-ħin u r-riżorsi tal-istess Qorti.

Dan qalu waqt li kien qed jagħti d-digriet finali fil-każ ta’ żagħżugħ ta’ 27 sena li tressaq il-Qorti akkużat li fl-24 ta’ Frar li għadda allegatament għamel rapport falz fl-Għassa tal-Pulizija fir-Rabat Għawdex. Il-Qorti lliberat liż-żagħżugħ mill-akkuża li għamel rapport falz dwar raġel ieħor li qal li għamel reat fil-konfront tiegħu.

Skont il-fatti tal-każ, fl-24 ta’ Frar għall-ħabta tal-11pm, raġel irċieva telefonata mill-għassa tal-Pulizija tar-Rabat Għawdex fejn qalulu li l-imputat kien għamel rapport jgħid li hu pprova jsuq fuqu. L-imputat kien saħansitra għadda filmat tas-CCTV lill-Pulizija li x-xhieda tiegħu qal li rriżulta fin-negattiv.

Wara li analizzat il-provi tal-każ, il-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u għaldaqstant illiberatu. Intant, il-maġistrat sostna li f’Għawdex saret “drawwa” li meta jsir rapport lill-Pulizija u mill-istħarriġ ma jaslux għal konklużjoni, dawn il-persuni jiġu mressqa quddiem il-Qorti akkużati b’rapport falz.

Insista li l-Pulizija għandha tara jekk tassew hemmx lok li jittieħdu passi dwar ir-rapport li jkollha u mhux taqbad u tressaq lil dak li jkun, u mbagħad tħalli lill-Qorti tiddeċiedi. Sostna li dan jikkawża telf ta’ ħin prezzjuż għall-Qorti u spejjeż żejda għall-persuni involuti. “Il-Qorti mhix se tkun parti f’dawn il-piki stupidi u skandalużi fejn persuni jippretendu li jiddettaw huma dak li għandu jsir f’dawn il-Qrati,” kompla jgħid Mifsud. Insista li l-Ġudikanti, il-Pulizija u l-Avukati ma għandhomx iħallu l-Qrati jispiċċaw fora biex ikabbru l-piki bejn il-partijiet.