“Qed noffri politika li tista’ tafda”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li qed joffri politika li wieħed jista’ jafda, fejn il-kelma tiegħu jżommha u fejn il-proposti tiegħu huma tanġibbli u li se jitwettqu.
Waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif il-kelma tal-Prim Ministru Joseph Muscat ma tiswa xejn.
Fil-kollegament tiegħu, hu ta numru ta’ eżempji li juru kemm il-kelma ta’ Dr Muscat ma tiswa xejn. Fost oħrajn semma kif Joseph Muscat kien wiegħed li mhux se jipprivatizza l-Air Malta, meta llum għaddej bil-proċess tal-privatizzazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija.
Dwar in-nuqqas ta’ trasparenza, Simon Busuttil fakkar dwar il-kuntratti kbar kollha li saru minn dan il-Gvern u li l-Gvern “ma jridx jippubblika”. Qal li dawn kollha ġew innegozzjati miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u mill-Ministru Konrad Mizzi u li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex “fi kliemhom stess, ipoġġu s-senserija.”
Simon Busuttil qal ukoll li, għax Joseph Muscat hu ffukat fuq l-iskandli, mhux iffukat fuq l-isfidi tal-familji Maltin u Għawdxin. Fost  oħrajn semma l-fatt li numru ta’ familji mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bil-paga, waqt li oħrajn għadhom qed jaħdmu fil-prekarjat.

Reazzjoni Partit Laburista
B'reazzjoni l-Partit Laburista qal li wara li l-ġimgħa li għaddiet Simon Busuttil ipprova jieħu l-mertu tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u tal-ekonomija b'saħħitha li għandha Malta, illum il-Kap tal-Oppożizzjoni ppretenda l-grazzi għal-liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika li se jdaħħal il-gvern.
Qal li Dr Busuttil kien parti integrali mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li għal snin twal dejjem ħalla liġijiet bħal dawn fuq l-ixkaffa.