“Qed nistennew traġedja; diġà ġraw 5 inċidenti” – Is-Sindku tal-Belt

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, spjega li fl-aħħar snin seħħew ħames inċidenti fi Quarry Wharf fejn dawk involuti ħelsuha ħafif, iżda sostna li minn żmien għall-ieħor qed nistennew traġedja.

Dan qalu hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt fejn spjega li ilu jirrapporta l-periklu li qed joħolqu l-kontejners li jiġu pparkjati fi Quarry Wharf għal aktar minn sitt snin. Dawn jiġu pparkjati fit-triq li tintuża b’mod regolari mill-pubbliku u jimblukkaw karreġjata sħiħa. Dan isir sabiex iħottu prodott fl-imħażen li hemm fit-triq.

Zammit sostna li l-ħajja tal-bniedem tiġi l-ewwel u qabel kollox filwaqt li qal li wieħed irid jirringrazzja lil Alla li sa issa għadu ma’ miet ħadd f’din it-triq.

Aqra: “Kelli inċident ikrah minħabba kontejner f’nofs ta’ triq fil-Belt”

Newsbook.com.mt ikkuntattja lis-Sindku tal-Belt kif ukoll lill-Pulizija dwar inċidenti tat-traffiku fiż-żona wara inċident riċenti fejn kunsilliera ta’ Ħaż-Żabbar spiċċat ħabtet minħabba li ma ratx dan il-kontejner jokkupa l-karreġjata fil-ħin li fih kienet tiela’ x-xemx. Zammit qal li fil-ħinijiet fejn tkun tiela’ u nieżla x-xemx, hemm riskju kbir li wieħed jidħol f’inċident jew billi jaħbat fil-kontejner, jew billi ma jipprova jaqbżu u sseħħ xi ħabta head-on.

“Nappella lil Transport Malta biex tieħu azzjoni”

Zammit qal li hija Transport Malta li trid tieħu azzjoni u tikkontrolla biex dan il-ksur ta’ regoli tat-toroq ma jibqax isir. Spjega li għandha tiġi minn Transport Malta, li l-kumpaniji jintalbu jipparkjaw il-kontejners tagħhom aktar ‘il fuq fit-tela’, fejn wieħed ma jimblokkax karreġġjata. Insista li l-Kunsill Lokali huwa favur it-tneħħija ta’ dawn il-kontejners.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Transport Malta dwar il-każ fejn anke intbagħtu numru ta’ mistoqsijiet. Madanakollu, sal-ħin tal-pubblikazzjoni, it-tweġibiet baqgħu qatt ma waslu. Newsbook.com.mt talab ukoll statistika tal-inċidenti li seħħew f’din it-triq minħabba l-istess kontejners matul l-aħħar snin mingħand il-Korp tal-Pulizija, madanakollu sa issa din għadha ma waslitx f’idejn il-kamra tal-aħbarijiet.