‘Qed nistennew l-akbar ammont ta’ pazjenti tal-influwenza fil-jiem li ġejjin’

L-Isptar Mater Dei qed jistenna l-akbar ammont ta’ każijiet (peak) ta’ pazjenti tal-influwenza  fil-jiem li ġejjin, skont il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Ivan Falzon.

Falzon qal ma’ Newsbook.com.mt li l-attività tal-influwenza qed tersaq lejn il-qofol tagħha. Mit-23 ta’ Diċembru, l-isptar esperjenza żieda fin-nies li resqu lejn l-emerġenza minħabba l-influenza u mard ieħor affettwat mix-xitwa u mill-kesħa.

Falzon spjega li malli jkun hemm tibdil drastiku fit-temperatura, kif mistenni fil-jiem li ġejjin, l-attività tal-influwenza tiżdied. Falzon qal li dawk il-persuni bi problemi ta’ mard kroniku jiġu affettwati wkoll.

Falzon qal li fl-2018, l-ewwel każijiet tal-influwenza bdew jidhru lejn l-aħħar ta’ Awwissu u l-bidu ta’ Settembru. Spejga li dan kien ftit aktar kmieni mis-soltu. Madanakollu, fi kliem Falzon, l-influenza x’aktarx mhux se tinxtered daqs is-sena l-oħra.

Falzon qal li l-isptar jibda jipprepara għall-influss ta’ pazjenti bl-influwenza permezz ta’ kollaborazzjoni mal-isptar Karin Grech u mal-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali fost affarijiet oħra.

Falzon irringrazzja lill-ħaddiema tal-Ministeru għas-Saħħa u l-entitajiet l-oħra involuti li qed jaħdmu biex joffru servizz mill-aħjar għall-pazjenti.