Qed nistennew 70,000 ruħ għaċ-ċelebrazzjoni tal-lejlet l-Ewwel tas-Sena– Jason Micallef

Iċ-Ċerpersin tal-Valletta 2018, Jason Micallef, qal li qed jistennew li 70,000 persuna jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet Micallef qal li s-sena kulturali tal-Belt kapitali ta’ Malta mistennija tibda miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ jumejn oħra.
Bosta avvenimenti se jkunu qed jiġu organizzati madwar il-gżejjer Maltin, iżda dawk fil-Belt Valletta mistennija jkunu l-akbar li qatt saru s’issa skont Micallef.
Pjazza San Ġorġ se tkun qed tospità wħud mill-ikbar artisti u bands lokali bħal The Brass House, Gianluca Bezzina, u Eleanor. Se jkun hemm ukoll artisti internazzjonali fl-oqsma tal-performing arts u l-arti viżwali bħall-artisti mir-Renju unit Ember Trio.
Minħabba li ċ-ċelebrazzjonijiet mistennija jibdew fit-8:00pm u jispiċċaw fis-2:00am, il-karrozzi tal-linja għandhom jibqgħu għaddejjin sal-4:00am.
It-trasport fuq il-baħar bejn il-Belt u l-Birgu, kif ukoll dak ta’ bejn il-Belt u Tas-Sliema, se jibqa’ għaddej sa kmieni t-Tnejn filgħodu.
Ritratt: Valletta 2018 – Michele Agius