Qed nistenna pieni eżemplari u ġustizzja li ma tkaxkarx saqajha – PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li kull min hu responsabbli għat-traġedja li seħħet ilbieraħ fil-Ħamrun, fejn Miriam Pace, ta’ 55 sena tilfet ħajjitha, irid iħallas għal għemilu u mhux b’sentenza ħafifa. 

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Abela qal li hu d-dover tal-politiċi li jiżguraw li dak li ġara lbieraħ ma jseħħx darb’oħra u b’hekk biss tkun onorata l-memorja ta’ Miriam Pace.  Il-Prim Ministru qal li ma jistax ikun li professjonisti jkunu wkoll żviluppaturi kif ġara lbieraħ, filwaqt li kkonferma li kemm il-periti, il-kuntratturi u site technical officer jinsabu arrestati. Hu qal li filwaqt li l-ġustizzja trid tieħu l-kors tagħha, qed jinsisti mal-Pulizija biex ma jkaxkrux saqajhom u mal-ġudikatura biex jagħtu pieni idonei f’dan il-każ.

Abela ddefenda r-reviżjoni li saret fir-regolamenti tal-bini, li qal li qed jaħdmu, madanakollu hemm bżonn ta’ aktar infurzar minkejja li mindu daħlu fis-seħħ saru 900 spezzjoni. Huwa qal li mill-erba’ każijiet simili li seħħew is-sena li għaddiet, ta’ tiġrif ta’ djar fil-viċinanzi ta’ sit ta’ kostruzzjoni, f’żewġ każijiet minnhom ma ttieħdu l-ebda provedimenti.

Huwa qal li d-dover tal-Parlament hu li jiddefendi liż-żgħir u d-dritt taċ-ċittadin li jgawdi l-paċi f’daru u mhux se jippermetti iktar ċirkostanzi fejn iż-żgħir jintalab isib avukat biex jiddefendi dan id-dritt fil-qrati Maltin.

Abela qal li l-iżvilupp irid isir skont l-arti u s-sengħa u kemm il-Kamra tal-Periti kif ukoll l-industrija jridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom. Saħaq li jekk dan ma jseħħx l-industrija se tgħabbi bir-responsabiltà li tkun qatlet dan is-settur għax il-Gvern ma jibqagħlux triq oħra ħlief il-livell ta’ nfurzar.