Qed nistenna bil-ħerqa l-jum li toħroġ il-verità dwar il-wind farms f’Montenegro – Azzopardi

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi stqarr fil-parlament li qed jistenna bil-ħerqa l-ġurnata meta joħroġ fil-beraħ interess personali li għandhom Keith Schembri u Joseph Muscat fil-proġett tal-Gvern tal-Wind Farms f’Montenegro.

Meta kien qed jitkellem fuq l-emendi dwar l-Att tal-Pulizija, Azzopardi qal li waħda mill-aħħar żjajjar bħala Prim Ministru barra minn xtutna kienet f’Montenegro u miegħu ħa lil Keith Schembri.

Azzopardi qal li għad toħroġ fil-beraħ, ir-raġuni drammatika għalfejn il-Prim Ministru Muscat sejjaħ elezzjoni bikrija, sena qabel.

Id-deputat Nazzjonalista qal li mhux ta’ b’xejn li fil-Qorti qed joħroġ “li x-xiħ kien indannat b’dak li qed tiżvela Daphne Caruana Galizia”.

Huwa qal li sal-aħħar jiem fil-kariga tal-Prim Ministru baqa’ juża’ l-imejl personali tiegħu @josephmuscat.com għax-xogħol tal-Gvern.

Stieden lill-Prim Ministru Robert Abela biex jgħaddi liġi fil-parlament li jagħmlu att kriminali li persuna f’kariga pubblika tuża l-imejl personali tiegħu.

Huwa qal li f’nofs Jannar, Muscat kien affrontat minn qariba tas-suspettat ewlieni għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech fl-arjuport Internazzjonali ta’ Malta u kulħadd sema’ x’qatlu b’għajjat kbir.