“Qed nirriżenja minkejja li għamilna passi ‘l quddiem f’wieħed mill-ikbar każijiet” – Cutajar

Lawrence Cutajar

Read in English.

Il-Gvern illum ippubblika l-ittra ta’ riżenja li bagħat l-eks Kummissarju tal-Pulizija.
Permezz ta’ mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri poġġa fuq il-mejda tal-Parlament l-ittra li bagħat Lawrence Cutajar.

Fl-ittra tiegħu Cutajar qal li minkejja l-kritika li hu u l-Korp tal-Pulizija dabbar kemm dam Kummissarju, irnexxilhom isolvu għadd ta każijiet importanti, waqt li fl-aħħar xhur il-Pulizija rnexxielha tagħmel passi kbar ‘il quddiem f’wieħed mill-ikbar każijiet li qatt ġraw f’pajjiżna.

Hu qal li minkejja dan, fehem li ħatra ta’ Prim Ministru ġdid titlob bidliet bl-għan li jitwettqu r-riformi li jkun jixtieq. Cutajar qal li tul il-karriera tiegħu dejjem poġġa l-interess tal-Korp tal-Pulizija, il-membri tiegħu u l-interess tal-ġustizzja fuq quddiem.

Il-Ministru Camilleri qal li permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru ħabbar dakinhar stess li rċieva l-ittra li r-riżenja Cutajar kienet intlaqgħet u li l-Kabinett tal-Ministri kien se jiddiskuti proċess ġdid ta’ kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.

Hu qal li minn dakinhar il-Gvern ħabbar ukoll il-proposta tiegħu għal bidla fil-ħatra ta’ Kummissarju.

Proposta li skont Camilleri joqgħod r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li titlob li jkun hemm sejħa pubblika u li tinvolvi wkoll lill-Parlament fl-għażla, anke jekk il-Kummissjoni Venezja ma talbitx dan.

Il-Prim Ministru mhux se jkun qed iżomm lanqas id-dritt tal-Veto fuq il-ħatra ta’ Kummissarju anke jekk il-Kummissjoni Venezja ssuġġeriet li jkollu dan id-dritt.