“Qed nipprova negħleb il-vizzju”

Żagħżugħ li nqabad b’ammont żgħir ta’ droga kannabis għall-użu personali instab ħati u ngħata ħelsien ikkundizzjonat għal sena. Fil-Qorti ntqal li qed jipprova jgħeleb il-vizzju.

Hugo Rene Henry Fauchier, li għandu 22 sena u li qiegħed Malta fuq btala kien se jirritorna Franza fil-jiem li ġejjin. Ilbieraħ inqabad fil-pussess ta’ 14-il gramma raża tal-kannabis, wara li l-Pulizija fittxet ir-residenza li kien qed jgħix fiha f’San Ġwann wara li xi ħadd qalilhom bid-droga.

Hu ġie arrestat u wara qal lill-Pulizija li jikkonsma l-kannabis kuljum u li kien xtara dak l-ammont minn Paceville.

Fil-Qorti ż-żagħżugħ wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-prosekuzzjoni sostniet li ż-żagħżugħ għandu jagħmel minn kollox biex jgħeleb il-vizzju u jfittex l-għajnuna.

Id-difiża sostniet li ż-żagħżugħ mhux talli kkopera mal-Pulizija, talli qalilhom minn fejn kien xtara d-droga. Spjegat li l-akkużat fehem x’għamel ħażin u qed ifittex l-għajnuna sabiex jieqaf jiddependi fuq id-droga.

Għal din ir-raġuni, il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella sabitu ħati iżda ħelsitu fuq il-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena. Il-Maġistrat qalet li mhux se tibgħatu l-ħabs sabiex ikun jista’ jfittex l-għajnuna u wissietu li jekk jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest se jkun qed jirriskja li jeħel 12-il xahar ħabs jew multa sa massimu ta’ €2,000.