“Qed ninvestigaw” – Il-Pulizija dwar ‘l-attentat ħtif f’Birżebbuġa’

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li għaddejja investigazzjoni dwar l-allegat każ li seħħ ilbieraħ f’Birżebbuġa, meta koppja ppruvat taħrab b’puschair b’tifel ġo fih.
L-istess kelliema kkonfermat ukoll li r-rapport daħal ilbieraħ, għall-ħabta tal-4:30pm, fl-Għassa ta’ Birżebbuġa.
Dan jikkuntrasta ma’ rapport ieħor fuq sit tal-aħbarijiet li qed iqis din l-aħbar bħala waħda falza, għax skonthom, hekk qalilhom sid il-ħanut.
Bint sid il-ħanut ukoll bagħtet messaġġ lil Newsbook.com.mt tinsisti li l-istorja hija vvintata u li fil-ħanut hemm ukoll kameras tas-sigurtà li jixhdu dan.
Iżda Newsbook.com.mt tkellem mal-omm li ma tistax tifhem kif il-midja qed tqis din l-aħbar bħala falza.
Apparti sid il-ħanut, is-sit li qed iqis l-aħbar bħala falza ma tkellem mal-ebda persuna oħra.
L-omm qalet ma’ Newsbook.com.mt li għadha kif marret mill-ġdid l-Għassa tal-Pulizija.
Intant, Newsbook.com.mt tkellem ma’ żewġ ommijiet oħra li rrakkuntaw l-esperjenza simili li għaddew minnha fl-aħħar jiem.