Qed ninqdew bil-kliem biex inqattgħu lin-nies – Mons. Grech

Read in English.

In-nies qed jinqdew bil-kliem u bil-kitba biex iqattgħu lil ħaddieħor, skont l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mario Grech.

Mons. Grech qal dan fl-omelija tiegħu fil-quddiesa ta’ Ras ir-Randan ilbieraħ fil-Katidral ta’ Għawdex. Mons. Grech tkellem dwar kif l-Insara qed jonqsu meta jużaw iz-zekzik u l-vjolenza morali kontra l-proxxmu.

Qal li ħafna drabi wieħed ma jbiddilx għax ikun dara jgħix fil-ħmieġ. L-abitudni twassal biex wieħed jaċċetta kollox u għalhekk wieħed la jinħasel u lanqas ibiddel u għalhekk iqammel, skont Mons. Grech.

“Fil-lingwa tagħna għandna qawl li jgħid li min ma jbiddilx, iqammel! Dan japplika wkoll għall-ħajja Nisranja tagħna, għax jekk ħajjitna ma tkunx proċess ta’ bidla kontinwa, hemm ir-riskju li nqammlu. Qed nuża kliem goff, imma jien imħasseb bil-kbir dwar kif ħafna qed jgħixu l-Vanġelu.”

Fi kliem Mons. Grech, il-flus huma bżonnjużi għall-ħajja. Però, qal li meta l-flus saru alla, flok barka nbidlu f’saħta.

“Huwa fatt magħruf li l-ħajja ta’ ħafna tilfet is-sabiħ tagħha, għax flok ma jfittxu l-flus biex jgħixu, qed jgħixu għall-flus. Ir-ritmu tal-ħajja sar jiġi ddettat mill-finanzi. Biex ingeddsu aktar, hemm min issagrifika kull regola. Għalkemm il-ġid kotor, ma aħniex aktar kuntenti!” saħaq Mons. Grech.

Tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni u l-għerf. Qal li jista’ jiġri li l-bniedem ikollu ħafna informazzjoni, imma ma jkunx iffurmat.

“Dak li jgħodd mhux kemm għandna ggradwati imma kemm għandna persuni li saru jħobbu l-verità u qed jiġru warajha biex isiru jafuha,” spjega Mons. Grech.

Mons. Grech awgura biex f’dan iż-żmien tas-sena n-nies jisimgħu leħen Ġesù u jduqu l-ħniena tiegħu.