“Qed nikkunsidra opportunità barra minn xtutna” – Desier

“M’hawn ebda kontinent fid-dinja li nippreferi ngħix u mmut fih, iktar minn din il-gżira ċkejkna tagħna, li jien inħobb niddeskriviha bħala ‘warda fil-mediterran’.”

Hekk qalilna Desier f’intervista żgħira li tana dalgħodu kmieni. “Iżda, meta tiġi opportunità trid taħtafha għax titlaq u ma jerġa’ qatt jiġi ċ-ċans,” kompla jżid Debono, li żgur illum-il ġurnata qegħdin tirrikonoxxu minn fuq it-televiżjoni lokali.

“It-tliet produzzjonijiet li kelli ċ-ċans inkun il-moħħ warajhom, għallmuni ħafna, tawni ammont ta’ sodisfazzjon u naf li t-telespettaturi japprezzaw xogħoli. Imma l-affarijiet jinbidlu u ż-żmien ibiddel kollox.”

Desier, li kien il-moħħ wara Libra, Pupazz u Iż-Żagħka, kompla jżid li qed jikkollabora ma’ produtturi Ingliżi li fil-futur mhux imbiegħed se jkunu qed jaħdmu fuq produzzjonijiet fl-Amerika.

“Mhux gost u pjaċir tiegħi li nitlaq dak kollu li ħdimt għalih hawn Malta, u għalhekk għadni qed nindaga sew x’konsegwenzi se jkun hemm, marbuta ma’ din id-deċiżjoni,” kompla jgħid.

“Qed nikkunsidra serjament li nieħu din l-opportunità, mhux biss għall-esperjenza, imma anki għat-taħriġ li se ġġib magħha din l-avventura. Mhiex deċiżjoni faċli, imma fil-ħajja tista’ ssib ruħek bla għażla. Inżommkom infurmati!” temm jgħidilna.

Awguri għal aktar suċċessi.