“Qed nikkunsidra l-pass li jmiss” – Chris Said

Read in English.

Id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Chris Said stqarr li l-Għawdxin huma diżgustati u fi kliemu bir-raġun. Saħaq li qed jikkunsidra l-pass li jmiss, madanakollu ma daħalx f’dettall dwar x’jista’ jkun dan il-pass.

Il-kumment ta’ Dr Said segwa l-għażla mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, li Jean Pierre Debono jieħu s-siġġu ta’ David Stellini fil-Parlament. It-tellieqa għal dan is-siġġu kienet bejn Debono u l-Għawdxi Kevin Cutajar. Debono kiseb 42 vot, filwaqt li Cutajar ġab 40 vot.

Filmat: Jean Pierre Debono se jieħu post David Stellini fil-Parlament

Ilbieraħ Chris Said kiteb pubblikament li jemmen li s-siġġu għandu jimtela minn Għawdxi, u għadda l-messaġġ lil dawk fil-Kumitat li Kevin Cutajar jixraqlu jieħu s-siġġu.

Aqra: Għandu jkun Għawdxi – Said

Intant, ma’ Newsbook.com.mt, id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli, li fl-elezzjoni tal-2017 telgħet fuq żewġ distretti u ċediet dak ta’ Għawdex u b’hekk tela’ fil-Parlament David Stellini, qalet li l-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda. Madanakollu qalet li r-realità hi li s-siġġu vakat fit-13-il Distrett issa għadda għand distrett ieħor. Sostniet li issa hemm deputat inqas jirrappreżenta lil Għawdex. Dr Portelli fissret li dak ifisser, li hi flimkien ma’ Chris Said u Frederick Azzopardi jridu jaħdmu aktar u għandhom jibdew mil-lum.

L-istess sentiment jinħass fost mijiet ta’ Nazzjonalisti Għawdxin.  Fuq il-mezzi soċjali kienu bosta dawk li kitbu kontra li s-siġġu li kien tat-13-il Distrett issa m’għadux tal-Għawdxin, kif inhu bi dritt. Oħrajn saħqu li tilfu kull fiduċja li kellhom fil-PN għax ġew misruqa. “Tal-mistħija, ċittadini tat-tieni klassi, ħadulna siġġu”, kienu jgħidu wħud mill-kummenti.

Għal dawn il-kummenti fuq Facebook kien hemm min irreaġixxa u oppona. Uħud qalu li jekk l-Għawdxin riedu lil Cutajar messhom eleġġewh fl-2017 u kien ikollu siġġu żgur. Oħrajn ma sabux oġġezzjoni li s-siġġu jieħdu Jean Pierre Debono, avolja mhux Għawdxi.

Aqra: X’fiha l-iskrittura li semma Arrigo?