“Qed nibżgħu li jagħmlu suwiċidju” – It-tabib ta’ Sea-Watch 3

Malta ssemmiet mill-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, bħala waħda mis-seba’ pajjiżi li kellha f’moħħha li  tqassam mill-ġdid 47 immigrant, li bħalissa qegħdin maqbuda fuq il-baħar, fuq dgħajsa tas-saljvataġġ Sea-Watch 3. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ipproponiet miżuri temporanji, però Sea-Watch qalu li dan mhux biżżejjed.

It-tabib ta’ Sea-Watch 3 Dr Frank Dörner, qal li issa n-nies waqfu jieklu u qed jingħalqu fihom infushom. Xi wħud tant kemm qed jgħaddu minn instabbilità emozzjonali li qed jiġu użati fuqhom kalmanti. Dr Dörner qal li qed jibżgħu li oħrajn ħa jagħmlu suwiċidju, tant kemm huma trawmatizzati u mdejqa.

Skont il-midja Taljana, il-Prim Ministru Taljan qal li ħames pajjiżi urew ir-rieda tagħhom, sabiex dawn l-immigranti jiġu mqassma. Il-pajjiżi l-oħrajn li huma msemmija apparti Malta u l-Ġermanja, huma Franza, il-Portugall u r-Rumanija.

Sadanittant, f’dikjarazzjoni maħruġa minn Sea-Watch, intqal li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani, semgħet l-ilmenti tal-ekwipaġġ u tal-immigranti salvati li kienu fuq il-bastiment, u ġew imposti miżuri temporanji. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem qalet li l-Italja ħadet il-miżuri kollha neċessarji malajr sabiex tipprovdi kura, ikel, ilma u provvisti bażiċi lill-applikanti. Żiedu jgħidu li l-15 minuri li mhumiex akkumpanjati, għandhom jingħataw assistenza legali.