“Qed nibżgħu għax ma nafux x’se jiġri; ħallu f’idejn l-esperti” – Psikjatra Cassar

joe-cassar

Li ma rridux nagħmlu hu li ma nħallux f’idejn nies li jifhmu. Jien jekk ikolli problema bil-karozza mmur għand mekkanik. L-istess f’dan il-każ inħallu l-esperti u lil min jifhem imexxina”. Dan qalu l-psikjatra Dr Joe Cassar meta kien qed jipparteċipa waqt Newsbook Hour fuq 103.


Dr Cassar spjega li qed ngħixu żmien ta’ biża’. “Il-biża’ ġġib problemi ta’ saħħa mentali. Qed nassistu għal sitwazzjoni fejn qed nibżgħu minħabba dak li ma nafux x’se jiġri, the fear from the unknown. Filwaqt li din għenet fuq livell mediku biex tikkontrolla l-moviment u l-azzjoni, fl-istess ħin, din il-biża’ wasslet għal sitwazzjonijiet ta’ ansjetà”.

“L-ansjetà ġġib magħha sintomi fiżiċi, fejn qalbek tħabbat iżjed minn normal, joħroġ iktar għaraq u anke problemi oħra li normalment huma marbuta mal-ansjetà”, kompla jgħid Dr Cassar.

Stqarr li “għaldaqstant, il-biża’ qed tiskatta kollox. Kollox jiddependi fuq l-individwu. Jekk għandek xi individwu li jbati b’kundizzjoni li jiffissa fuq il-mard, din il-persuna se tkun tbati ħafna. Din anke qed tiġi manifestata f’nies li ma jbatux mill-ansjetà”.

Dr Cassar qal li l-appell tiegħu huwa biex noqogħdu attenti fejn naċċessaw l-informazzjoni, u nagħżlu fejn naġġornaw rwieħna.

“Meta wieħed jaġġorna ruħu, tajjeb li jżomm ruħu aġġornat, però jagħraf fejn ifittex l-informazzjoni. Hemm siti apposta bħal dawk tad-dipartiment tas-saħħa, tal-WHO u Newsbook biex iżżommu ruħkom aġġornati”, qal Dr Cassar.

Insista li “għandna nħallu l-esperti jmexxuna. Kull informazzjoni trid tingħata f’waqtha, fil-ħin tagħha. Niftakru li parti mir-responsabilitajiet tad-Dipartiment tas-Saħħa hija s-saħħa mentali tagħna. Irridu noqgħodu attenti mill-paranoja. Irridu nafdaw fl-esperti tagħna u nitolbu għalihom”, qal Cassar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn