“Qed nibqgħu ninsterqu fil-prezzijiet tal-fuels” – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Maltin u l-Għawdxin qed ikomplu jinsterqu fil-prezzijiet tal-fuels, dan peress li dħalna fit-tielet ġimgħa minn meta l-PN kien appella biex il-Gvern iraħħas il-prezzijiet bi 30ċ għal kull litru.

Il-Partit Nazzjonalista ilu minn Marzu jitlob lill-Gvern biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl b’50%. Anki l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qed issejjaħ biex jonqsu l-kontijiet tad-dawl għan-negozji u għall-familji.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus qal li l-uniku tweġiba li ngħata l-poplu Malti huwa s-silenzju tal-inkompetenza u ta’ politika ta’ falliment f’dan il-settur.

Huwa stqarr li skont l-aħħar statistika maħruġa lbieraħ mill-Kummissjoni Ewropeja, Malta reġgħet ġiet ikkonfermata bl-ogħla prezzijiet tal-petrol u diesel. Huwa spjega li għalhekk il-PN qed jerġa’ jappella biex mil-lum jitraħħsu l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel bi 30ċ-il litru, biex b’hekk in-nies ikollhom €15 aktar fil-ġimgħa fi bwiethom kull ġimgħa.

Fi stqarrija huwa qal li fil-mument li l-familji qed ibatu minħabba dħul imnaqqas, siegħat ta’ xogħol imnaqqsa, telf ta’ impjiegi, ristoranti u bars vojta, il-Gvern qed jagħżel li jagħmel li xi ħadd sinjur mill-bejgħ tal-fuels minn fuq it-tbatija tan-nies.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn