“Qed nibnu Gvern alternattiv li joffri ideat ġodda għal pajjiżna” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed jibni Gvern alternattiv li joffri ideat ġodda għall-pajjiż.
Huwa qal dan waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali fl-MCESD, li matulha ġie mniedi d-dokument ‘Ekonomija għan-Nies’.
Waqt il-laqgħa saret preżentazzjoni ta’ dan id-dokument mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ekonomija Claudio Grech.
Matul id-diskors tiegħu, Simon Busuttil qal li kif wiegħed, il-Partit Nazzjonalista qed jgħaddi mill-fażi ta’ Oppożizzjoni effettiva għal Gvern alternattiv, permezz ta’ proposti konkreti.  
Enfasizza li dan id-dokument jiffoka fuq l-ekonomija u jispjega kif il-Partit Nazzjonalista jrid ekonomija għan-nies, bi pjan serju mibni fuq prinċipji.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega kif id-dokument jistrieħ fuq 5 punti bażiċi li se jintużaw fit-tfassil tal-politika ekonomika sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun mutur għat-tkabbir ekonomiku, b’attenzjoni għall-ambjent, li jiġu rrispettati d-dinjita’ ta’ kulħadd u l-ġustizzja, li Malta tkun xempju diġitali u li Għawdex ikun fil-qalba tal-ekonomija.
Simon Busuttil temm jgħid li dan huwa working document mhux pjan li ma jiċċaqlaqx jew ma jinbidilx, li huwa miftuħ għad-diskussjoni.

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija l-Gvern qal li l-punti ġenerali tad-dokument tal-Oppożizzjoni diġà qed jitwettqu, bħaż-żieda fl-investiment u aktar nisa fid-dinja tax-xogħol.
Il-Gvern qal li l-istess jgħodd għal proposti li diġà qed isiru bħat-twaqqif ta’ bank għall-iżvilupp, li Malta ssir post fejn isiru laqgħat importanti, li jkun hemm PPPs fl-iżvilupp tal-infrastruttura u li jingħataw inċentivi lil min irid jidħol fid-dinja tax-xogħol.
Fl-istqarrija, il-Gvern qal li r-realtà hija li wara li Simon Busuttil kien analizza l-ekonomija b’mod li bassar bailout għal Malta, illum pajjiżna qed jirreġistra tkabbir ekonomiku grazzi għad-deċiżjonijiet li ttieħdu.

Reazzjoni PL
Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem ħafna fuq standards u trasparenza, iċċensura lill-midja.
Il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista għażel li jistieden numru selettiv ta’ mezzi tax-xandir biex jippromwovu d-dokument dwar l-ekonomija sigħat qabel il-konferenza tal-aħbarijiet tant li kien hemm mezzi tax-xandir li ġew bid-dokument f’idejhom minn qabel.
L-istqarrija ssostni li waqt it-tnedija uffiċjali tad-dokument, Simon Busuttil għażel li jitkellem waħdu u ħa l-ebda mistoqsijiet.
Il-Partit Laburista qal li se jappella lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin dwar dan l-atteġjament.