“Qed nersqu lejn tmiem l-ewwel term tal-iskola u ma kienx faċli” – Surmast ta’ Skola

Lelio-Spiteri

Read in English.

Is-surmast tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex, magħrufa bħala l-Happy School, qal li l-ewwel term ta’ din is-sena skolastika, li dalwaqt wasal fi tmiemu ma kienx wieħed faċli.

Lelio Spiteri qal fuq Facebook li fil-25 sena li ilu jaħdem fl-iskejjel bħala edukatur, din kienet l-ewwel darba f’ħajtu li qed jistenna l-btajjel tal-Milied b’ċerta ħerqa. Qal li se jkun qed juża dawn il-btajjel biex jieqaf fis-skiet u jiċċarġja għaż-żmien li ġej.

Irrimarka li l-ewwel term ma kien xejn faċli, imma sostna li minnu tgħallem ħafna. Insista li meta dak li jkun iħossu dgħajjef u mgħobbi, m’għandu qatt iħalli l-biża’ u n-nuqqas ta’ kuraġġ jieħu r-ridni.

“L-ottimiżmu u l-pożittività għandhom jibqgħu s-sillabu ta’ ħajti, imżejna bi tbissima fuq il-fomm li m’għandha tgħib qatt. Inħossni kuntent li mdawwar b’nies li huma baħrin tal-maltemp u kienu u huma miegħi biex flimkien inrieġu l-bastiment. Fuq kollox u fuq kulħadd, Hu ma jħallini qatt nogħtor. Waqa’ Hu biex inqum jien, tfarrak Hu biex jien nibqa’ sħiħ, tbattal Hu biex nimtela jien. B’kuraġġ u b’enerġija pożittiva, inħares ‘l quddiem għaż-żmien li ġej,” temm jgħid Spiteri.

Spiteri kien ferm attiv fuq il-midja soċjali tiegħu fejn frekwentament kien qed jaġġorna lis-segwaċi tiegħu, ħafna minnhom ġenituri, bil-kundizzjonijiet fl-iskola kawża tal-pandemija. Bħal kull skola oħra, il-Happy School għaddiet minn mumenti ta’ biża’ kkawżati mill-Covid-19, madanakollu, l-iskola rexxielha tkompli għaddejja b’xogħolha.

Propju fil-bidu tas-sena skolastika, Spiteri flimkien ma’ xi għalliema fl-iskola li jmexxi ħejjew filmat biex juru l-preparamenti li għaddiet minnhom l-iskola biex tkun lesta għal sena skolastika b’differenza.

L-iskejjel reġgħu nfetħu mill-ġdid f’Ottubru li għadda minkejja li diversi għaqdiet opponew dan. Dan wara li s-sena skolastika preċedenti kienet rat l-għeluq immedjat tal-iskejjel u tranżizzjoni għal lezzjonijiet online.