Qed naħlu l-ħobż tal-fqar

Imqar l-aktar ikel sempliċi, il-ħobż: mormi u mċaħħad lill-fqir

Il-Papa Franġisku, bagħat messaġġ lid-Direttur Ġenerali tal-Organiżazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel.  Fil-messaġġ il-Papa wera t-tħassib tiegħu dwar “ir-relazzjoni mgħawwġa bejn l-ikel u n-nutriment”.

Il-messaġġ tal-Papa jibda b’riferenza għat-tema magħżula din is-sena biex jitfakkar dan il-Jum: “L-Azzjonijiet tagħna huma l-Futur tagħna. Dieta tajba għal Dinja bla Ġuħ”. Il-Papa nnota li “minkejja l-isforzi li saru fl-aħħar snin l-Agenda 2030 għal Żvilupp Sostenibbli, għad trid tkun implimentata f’diversi partijiet tad-dinja”.

Ħela u eċċessi fl-ikel

Il-Papa Franġisku ġibed l-attenzjoni għal dak li hu sejjaħ “relazzjoni mgħawwġa bejn l-ikel u n-nutriment”.  Semma l-fatt li 820 miljun persuna fid-dinja, qed isofru l-ġuħ filwaqt li 700 miljun gġandhom piż żejjed.  Hu sejjaħ dan “paradoss reali, kiefer u inġust” li hawn ikel għal kulħadd iżda mhux kulħadd għandu aċċess għall-ikel. Hu lmenta mill-fatt li l-ikel qed jiħela, mormi jew jittiekel iżżejjed jew qed imur għal affarijiet oħra u mhux biex jittiekel.

Nutriment fqir iwassal għal diversi patoloġiji kawżati minn eċċessi, qal il-Papa li bħala eżempju semma d-dijabete, il-mard tal-qalb u mard ieħor.  Hemm imbagħad mard ieħor kawżat min-nuqqas ta’ ikel bħalma huma l-anorexia u l-bulimia.

Stil ta’ ħajja sempliċi

Din ir-realtà titlob li nibdlu l-istil ta’ ħajja u kif naġixxu, qal il-Papa Franġisku. “il-mard kawżat min-nutrizzjoni nistgħu niġġielduh biss billi nikkultivaw stili ta’ ħajja ispirati mill-gratitudni għar-rigali li rċivejna u nadottaw spirtu ta’ moderazzjoni, astinenza, solidarjeta u kontroll fuqna nfusna”.

Billi nadottaw stil ta’ ħajja sempliċi u sobriju, qal il-Papa, “nikbru f’solidarjetà li tfittex il-ġid komuni u tevita l-individwaliżmu u l-egoċentriżmu li jservu biss biex joħolqu l-ġuħ u l-inugwaljanza soċjali”.

Il-Papa żied jenfasizza r-rwol priamrju tal-familja. “Fil-familja u grazzi għas-sensittività u l-għerf tal-mara u l-omm, nitgħallmu kif ingawdu mill-frott tal-art bla ma nabbużaw minnu”.

Il-ħobż tal-fqir

Papa Franġisku kkonkluda l-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Ikel billi qal li “l-battalja kontra l-ġuħ mhux se tispiċċa sakemm tibqa’ tipprevali l-loġika tas-suq u l-profit akkost ta’ kollox”.

L-ewwel tħassib għandu jkun għall-persuna umana. “Irridu nirrealizzaw li dak li qed narmu u naħlu hu il-ħobż tal-fqir”.