“Qed naħdmu kontra l-abbuż fuq l-anzjani”– Dr Franco Mercieca

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca sostna li l-Gvern se jkun qed jaħdem fuq pjan komprensiv biex isaħħaħ is-servizzi offruti lill-anzjani biex jibqgħu jgħixu aktar fil-komunità.

Meta kien qed jindirizza seminar organizzat mill-General Workers’ Union Mercieca elenka diversi prijoritajiet, fosthom il-ħtieġa li jiġu mtejba s-servizzi offruti lill-anzjani biex ikollhom aktar sigurtà f’darhom b’sistemi li jirriflettu ż-żminijiet tal-lum.

Saħaq li dan it-titjib fis-servizzi għall-anzjani jagħmel parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva li mistennija titnieda fix-xhur li ġejjin.

Dr Mercieca semma wkoll li hija ta’ prijorità għall-Gvern li jitjiebu l-istandards f’residenza għall-anzjani.

Irrefera wkoll għall-ħidma li qed issir biex titwaqqaf leġiżlazzjoni kontra l-abbuż fiżiku u psikoloġiku fuq l-anzjani.

 

Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill.