“Qed naħdmu biex ma jerġax ikun hemm storbju” – MATSEC

Il-MATSEC spjegat li d-Dipartiment tal-Eżamijiet li huwa responsabbli mill-postijiet li jintużaw għall-eżamijiet qiegħed f’taħdidiet mal-awtoritajiet sabiex ma jerġax ikun hemm storbju waqt li jkunu għaddejin l-eżamijiet.

Dan hekk kif studenti li għamlu t-tieni karta tal-eżami tal-Malti fil-livell Ordinarju fl-Iskola Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar ilmentaw dwar l-istorbju li kien hemm fl-inħawi waqt li kienu qed jippruvaw jikkonċentraw u jiktbu.

Fi stqarrija l-MATSEC qalet li rċeviet numru ta’ rapporti dwar storbju f’dar privata waqt li studenti kienu qed jagħmlu l-eżamijiet. Qalet li qed tkompli tindaga fuq il-fatti sabiex jiġi żgurat li l-istudenti li kienu fiċ-Ċentru ma jiġux żvantaġġati.

Aqra: Storbju waqt l-O’Levels: “Irrappurtaw lill-Pulizija imma għalxejn”

L-istqarrija kompliet tgħid kif din is-sena, b’kollox hemm 5407 student li qed jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC, flimkien ma’ 883 oħra li qed jagħmlu l-eżamijiet f’suġġetti vokazzjonali fl-istess livell. Hemm ukoll 3,857 kandidat li resqu għall-eżamijiet tal-MATSEC. L-eżamijiet bdew lura f’Marzu bl-orali u se jibqgħu sejrin sat-tielet ġimgħa ta’ Ġunju.

Minn għexieren ta’ messaġġi fuq Facebook irriżulta li ħames minuti qabel ma beda l-eżami, bdiet tinstema mużika storbjuża kif ukoll mara titkellem fuq mikrofonu. Jidher li l-invigilators ma setgħu jagħmlu xejn minn naħa tagħhom, iżda ċemplu lill-Pulizija, li waqqfu l-mużika biss wara siegħa u tliet kwarti.

Dan ifisser li l-istorbju dam kważi t-tul tal-eżami kollu. Sadanittant, l-istudenti kellhom jiktbu tliet komponimenti, wieħed ta’ 400 kelma, u tnejn ta’ 200 kelma ‘l wieħed. Barra minn hekk, kien hemm anke kummenti li l-ġurnata ta’ qabel, waqt it-tieni karta tal-eżami tal-Business Studies, ukoll kien hemm ħafna storbju.