“Qed naħarbu minn theddida għal ħajjitna” – missier mal-fruntiera Amerikana

Reuters

Raġel mill-Onduras li qed jipprova jaqsam il-fruntiera mill-Amerka t’Isfel għall-Amerka ta’ Fuq ma’ familtu qal li qegħdin jaħarbu minn theddid ta’ mewt f’pajjiżhom, u jekk ma jirnexxilhomx jaqsmu l-fruntiera minn hemmhekk, ikollhom isibu xi mkien ieħor.

Din il-familja hija fost l-immigranti li qegħdin jippruvaw jaqsmu l-fruntiera Amerikana imma qegħdin jinżammu f’Texas, u qegħdin jikkunsidraw li jsibu parti oħra mill-fruntiera minn fejn ikunu jistgħu jaqsmu għall-Amerka ta’ Fuq, fejn ikollhom opportunità akbar li jiksbu l-ażil.

Ir-raġel mill-Onduras li għandu 33 sena u qed jivvjaġġa ma’ martu u ż-żewġ uliedhom qal li ma jistgħux jieqfu hemm. L-1,700 immigrant iridu kemm jista’ jkun jevitaw stennija ta’ xhur biex il-każ tagħhom jiġi kkunsidrat għall-ażil. Ħafna minnhom qegħdin jgħidu li qed jistennew li jiksbu l-hekk imsejħa viża umanitarja mingħand il-Gvern Messikan biex ikunu jistgħu jaħdmu hemmhekk, imma jibżgħu miċ-ċrieki tad-droga vjolenti li jeżistu, li kemm-il darba ħadu vantaġġ mill-immigranti.

Il-President Amerikan qal li se jibgħat 3,750 truppi militari oħra mal-fruntiera sabiex jissapportjaw lill-aġenti mal-fruntiera.