“Qed jiżdiedu n-nies li jidħlu l-Emerġenza minħabba d-droga”

Dr Jeffrey Bonnici li jaħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei qal li l-għadd ta’ persuni li jidħlu l-Emerġenza minħabba l-użu tad-drogi rikreazzjonali qiegħed dejjem jiżdied. Waqt id-diskors tiegħu f’konferenza dwar in-nisa u l-vizzji, Dr Bonnici stqarr li l-istatistika dwar nisa u rġiel li jużaw id-droga hija l-istess.

Matul il-konferenza tkellmu diversi professjonisti li taw l-esperjenza tagħhom, fosthom l-Ispettur Joseph Busuttil li semma kemm hu diffiċli li toħroġ statistika dwar nisa u abbuż għax jibżgħu li jekk jirrappurtaw lill-pulizija jispiċċaw jikkriminalizzaw lilhom infushom. Irrimarka li l-unika settur fejn persuna tista’ tieħu stampa tar-realtà attwali jista’ jiġi biss mill-każijiet ta’ prostituzzjoni.

“Iktar diffikultajiet biex mara toħroġ mill-vizzju”

Il-kelliema ewlenija Prof. Marilyn Clark semmiet li n-nisa jiffaċċjaw diffikultajiet differenti dwar trattament u inklużjoni fis-soċjetà relatata mad-dinja tal-vizzji. Kompliet tispjega li hemm iktar diffikultajiet biex mara toħroġ mill-vizzju u li l-attitudnijiet tas-soċjetà lejn in-nisa qed jaffettwaw il-proċess.

“Nisa jaraw il-prostituzzjoni bħala mezz għall-flus biex jixtru d-droga”

Dr Anna Maria Vella semmiet kemm hu importanti li tiġi żviluppata xi ħaġa minn nisa għal nisa. Semmiet ukoll li ħafna drabi n-nisa jaraw il-prostituzzjoni bħala l-unika mezz biex iġibu l-flus għad-droga għalkemm jispiċċaw dejjem mingħajr flus.

Tkellmet ukoll il-Psikjatra Aloisia Camilleri li qalet li r-rata ta’ mard mentali fin-nisa u l-irġiel hija simili. Irrimarkat li d-differenza tinsab fit-tip ta’ mard. Il-Konsulent tal-Pedjatrija Dr Mariella Mangion semmiet il-problemi li jiltaqgħu magħhom trabi li l-omm tkun tuża d-droga u l-effetti fit-tul ukoll.

Min-naħa tagħha, il-President Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li hemm bżonn ta’ iktar informazzjoni għal stakeholders biex ikollhom stampa iktar ċara tar-realtà tas-soċjetà Maltija. Stqarret li hemm bżonn ukoll li jitnaqqsu l-ostakli, biex iktar nisa jirrikorru għall-għajnuna.

Fi tmiem il-konferenza, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni OASI, Għalqu l-konferenza l-Kap Eżekuttiv tal- Fondazzjoni OASI, Noel Xerri, enfasizza dwar l-importanza li nirrikonoxxu li baqa’ ħafna abbuż u li jrid isir ħafna iktar xogħol sabiex is-sitwazzjoni titranġa.

Il-Konferenza Nazzjonali In-Nisa u l-Addiction – Id-dinja tal-addiction hi waħda sessista? saret mill-Fondazzjoni OASI, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar u Villa Arrigo, taħt il-patroċinju tal-President Marie-Louise Coleiro Preca.