Qed jiżdiedu n-nies fil-bżonn minħabba l-coronavirus – Kappillani

Dun Keith Bonnici, Kappillan tal-Parroċċa tal-Iklin u Dun Claude Portelli, Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan, it-tnejn qablu li l-coronavirus qed iżżid l-għadd ta’ nies fil-bżonn jew persuni vulnerabbli f’Malta. Il-messaġġ tagħhom it-tnejn hu li min kien vulnerabbli sar aktar vulnerabbli u diversi li ma kinux issa saru. Huma semmew il-bżonnijiet materjali, is-sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika u ż-żieda tal-ansjetà f’ħafna nies.

Iż-żewġ kappillani kienu qed jitkellmu ma’ Jes Saliba l-preżentatur ta’ Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart.

“Viċin Alla u n-nies”

Fi kliem Dun Keith Bonnici, “il-ħajja tas-saċerdot tibqa’ essenzjalment l-istess, viċin ta’ Alla u viċin tan-nies.”

Għal Dun Keith “dan hu żmien, li tant tara bżonn, li tħoss il-bżonn li tinterċedi aktar”. Dan jiġi mill-fatt li wara kollox “min kien vulnerabbli sar aktar vulnerabbli; min ma kienx, din il-pandemija għamlitu vulnerabbli.”

Bl-istess mod wera t-tħassib tiegħu Dun Claude Portelli. “Il-vulnerabbli ħa jiżdiedu,” u allura l-ħidma tal-Knisja mhux biss se tiżdied imma trid tinbidel biex nilqgħu għall-isfidi li numru kbir ta’ nies se jaffaċċjaw.

Ħafna aktar nies qegħdin isofru mill-ansjetà, kemm għall-qraba tagħhom u għalihom infushom. Hawn min qiegħed jissakkar fid-dar u qed ikun diffiċli li jitwasslulhom il-bżonnijiet neċessarji, stqarr Dun Claude.

Minn naħa tiegħu Dun Keith innota li għalkemm diġà qed jiżdiedu kwistjonijiet relatati mal-impjiegi, inkwetanti ħafna aktar hi li “s-sitwazzjoni fid-djar mhux dejjem feliċi”. Hu esprima l-inkwiet tiegħu għall-problemi ta’ vjolenza domestika u kif ukoll għal problemi relatati ma’ saħħa mentali.

Kif tkun il-Knisja post-Covid-19?

Iż-żewġ kappillani kienu tal-istess fehma li din mhux kwistjoni biss ta’ għajnuna finanzjarja. “Il-Knisja post-Covid-19,” stqarr Dun Claude, “trid tkun knisja li toħroġ, tilqa’, u tisma’.” Dan kien l-istess sentiment ta’ Dun Keith, li saħaq li l-Knisja qed taslilha stedina biex tisma’ l-Ispirtu ta’ Alla. Hu jinsab konvint li “neħtieġu li nisimgħu l-Ispirtu ta’ Alla biex inebbaħna, kif nistgħu nkunu Knisja li takkumpanja, toħroġ u tisma’”. Dun Keith qal li “dan hu żmien fejn ħarġet aktar iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla u daħlet iktar fid-djar tan-nies.” Dan irid iwassalna biex “post-covid, b’mod kreattiv, il-Kelma ta’ Alla tkompli tidħol fil-qalb tan-nies,” temm jgħid ma’ Newsbook.com.mt.

U bħalissa? Qegħdin b’idejhom fuq żaqqna?

Filwaqt li l-kuntatt sar aktar diffiċli dan ma jfissirx li l-Knisja ma tagħmel xejn. Fost l-oħrajn semma Dun Keith, il-Parroċċa tal-Iklin hi wieħed minn ħames hubs f’Malta minn fejn qed isir it-tqassim ta’ aktar minn 500 ikla mill-Caritas u Alf Mizzi Foundation, li bl-għajnuna ta’ aktar minn 50 voluntier qed iwasslu l-ikla bnina fuq l-għatba ta’ min hu fil-bżonn. Issa li ma jistgħux joħorġu jqarbnu lill-anzjani u n-nies fid-djar, numru ta’ saċerdoti ħadu l-inizjattiva li jagħmlu kuntatt magħhom permezz tat-telefown, biex jitkellmu ftit magħhom u joffru ftit komfort.

Kif stqarr Dun Claude, waħda mill-isfidi hi li “tinduna min qiegħed ibati, minħabba li m’għandekx kuntatt daqshekk man-nies.” Iżda l-ħidma tal-Knisja mhux biss dan. L-appell ta’ dawn iż-żewġ kappillani kien wieħed ċar; il-ħidma tal-Knisja trid tkompli jinbidel biex jiġi aġġornat mar-realtà li qegħdin ngħixu fiha.

Ta’ min issemmi li diversi inizjattivi qegħdin jibdew jinbtu minn diversi parroċċi u mill-Arċidjoċesi fosthom http://bekidsmalta.com u http://soter.knisja.mt, u dan għandu jawgura tajjeb biex il-Knisja f’Malta tkompli tinbidel fi Knisja fl-era diġitali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn