Qed jiżdiedu l-barranin f’Malta; ‘tqisuhomx bħala theddida’ – l-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li qed jiżdiedu l-barranin li qed jgħixu u jaħdmu f’Malta. Qal li wieħed ikun iblaħ jekkiqishom bħala theddida jew riżorsa ekonomika.

Fl-okkażjoni tas-Sena Marjana ċċelebrata fid-Djoċesti ta’ Għawdex, l-Isqof Grech kiteb ittra miftuħa lill-Insara u l-Musulmani bl-għan li l-Knisja tfittex “djalogu mad-dinja Musulmana”.  Id-djoċesi ta’ Għawdex qalet li l-ittra mhux se tinqara fil-quddies imma li wieħed jista’ jiġbor kopja tagħha mill-knejjes f’Għawdex.

Mons. Grech qal li hija “ħasra” li f’Malta hemm min huwa ttentat iħares lejn il-barranin bħala kategorija inferjuri u jiddisprezzahom anke b’atti vjolenti u japprofitta mill-vulnerabbilità tagħhom. Qal li hemm min jisfruttahom billi jaddimhom bi ftit flus u hemm min jimponi kera fuqhom aktar għolja min-normal.

“Din il-preżenza ma toffrix biss sfidi soċjali u kulturali imma wkoll għandha l-aspett reliġjuż tagħha. Infatti, fost dawn in-nies għandna preżenza mdaqqsa ta’ Musulmani.”

L-Isqof ta’ Għawdex qal li fil-kuntest tad-djalogu interreliġjuż, iħoss li f’dan il-mument ta’ fenomenu tal-immigrazzjoni, ma jistax ikun li lill-Knisja l-Ispirtu ta’ Alla mhu qed jgħid xejn.

“L-istess djalogu bejn ir-reliġjonijiet jgħin biex tinkiseb ċerta armonija soċjali. Meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ għarfien korrett u l-preġudizzji li hawn dawr x’inhu l-Iżlam, filwaqt li ma niċħdu xejn mill-identità Nisranija, għandna bżonn infittxu d-djalogu mad-dinja Musulmana.”

Fl-ittra miftuħa tiegħu Mons. Grech tkellem dwar il-ġrajja ta’ San Franġisk ta’ Assisi fl-1219 meta ltaqa’ mad-dinja Musulmana. Qabbel dak li ġara dakinhar mal-laqgħa li kellu l-Papa Franġisku xi xhur ilu f’Abu Dhabi fejn iltaqgħa mal-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, Ahmad Al-Tayyeb.

Mons. Grech qal li r-Ramadan tal-Musulmani din is-sena ħabat eżatt max-xahar ta’ Mejju li huwa ddedikat lil Marija. Spjega li Omm Ġesù tista’ tkun mezz tajjeb għad-djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani. Qal li l-qima lejn Marija hija mifruxa sew fost il-Misilmin.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa minn hawn: