‘Qed jiżdied ir-riskju ta’ kunflitt bejn barranin f’ċertu lokalitajiet’

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea wissa fil-Parlament dwar ir-riskju ta’ vjolenza u kunflitt soċjali bejn barranin f’San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, San Ġiljan u Wied il-Għajn.
Huwa kien qed jitkellem waqt diskussjoni dwar emendi fil-liġi dwar il-ħabs biex klieb użati għal tfittxijiet fil-ħabs ma jibqgħux jinżammu f’Kordin iżda jittieħdu f’post il-Mosta biex tiġi evitata familjarità żejda bejn klieb u ħabsin. Il-parti l-kbira tad-diskussjoni ffukat fuq kwistjonijiet ta’ benessri tal-annimali, fosthom dwar dewmien biex tgħaddi mill-Parlament liġi li tipprojbixxi li klieb jintrabtu b’katina u jitħallew marbutin b’mod kważi permanenti.
Galea nnota li fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar hemm iktar minn mitt nazzjonalità u dan qiegħed jirriżulta iżjed diffiċli li nies ta’ oriġini differenti jintegraw ruħhom, anzi diġà feġġew każi ta’ kunflitt soċjali.
“Qed nibża’ li l-kunflitti soċjali li feġġew fl-aħħar ġimgħat se jkomplu jiżdiedu u jwasslu għal iktar problemi” huwa qal. Semma fost l-oħrajn żieda ta’ graffiti minn ultras ta' timijiet tal-futbol Serbi kif ukoll ġlieda kbira f’San Pawl il-Baħar bejn nies ta’ oriġini Serba.
Talab għal żieda fir-riżorsi tal-Pulizija allokalti f’dawn il-lokalitajiet u rondi kif ukoll it-taħriġ u l-użu tal-klieb tal-Pulizija biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet bħal dawn.