7 operazzjonijiet imħassra f’Għawdex minħabba l-influwenza – Steward

7 operazzjonijiet minuri fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex kellhom jiġu posposti wara li ddaħħlu ħafna nies l-isptar bl-influwenza.

Dan qalitu kelliema għal Steward Healthcare b’risposta għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt wara li l-Membru Parlamentari Chris Said qal fuq Facebook li l-operazzjonijiet kollha fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex tħassru jew ġew posposti f’dawn l-aħħar jiem.

Il-kelliema spjegat li fil-jiem li għaddew, kellhom jiġu kanċellati 7 operazzjonijiet ta’ kolonoskopija skedati minħabba li spiċċaw is-sodod fis-swali ġenerali tal-isptar, għax ħafna nies, speċjalment anzjani, iddaħħlu l-isptar minħabba l-influwenza.

Steward qalu li dawn l-operazzjonijiet kienu minuri, u l-pazjenti għandhom jirċievu data ġdida għalihom fil-jiem li ġejjin.

F’kitba fuq Facebook, Chris Said qal li r-raġuni għal dan it-tibdil fl-iskeda tal-operazzjonijiet hi li m’hemmx biżżejjed wisa’ fit-taqsima tad-Day Care fejn joqogħdu l-pazjenti wara l-operazzjonijiet minuri tagħhom.

Il-Membru Parlamentari Għawdxi tal-Partit Nazzjonalista Chris Said fakkar lis-segwaċi tiegħu li l-Vitals Global Healthcare, u mbagħad Steward Healthcare, ingħataw miljuni ta’ flus biex jibnu sptar ġdid f’Għawdex, iżda dan għadu ma tlestiex.

GHAL JIEM KONSEKUTTIVI JITHASSRU L-OPERAZZJONIJIET KOLLHA FL-ISPTAR GENERALI TA' GHAWDEX.Diversi persuni ilmentaw li…

Posted by Chris Said on Sunday, January 6, 2019