“Qed jistennew inċident biex ineħħuh?”

Persuni qed jilmentaw fuq Facebook dwar arblu perikoluż li jinsab fil-parkeġġ tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Skont sorsi li raw l-inċident, l-arblu ntlaqat minn trakk mat-tliet xhur ilu, bil-konsegwenza li spiċċa tmejjel u qed ikun ta’ periklu għal dawk kollha li jużaw il-parkeġġ. Persuni sostnew li dan qed jistieden li jinħoloq xi inċident.

Il-parkeġġ jinsab ukoll ħdejn l-iskola. Persuni kkummentaw jgħidu li diġà saru rapporti mill-amministrazzjoni tal-iskola sabiex jitranġa jew jitneħħa l-arblu.

Kelliem għall-Ministeru għal Għawdex qal ma’ Newsbook.com.mt li hu personalment irrapporta dan l-arblu numru kbir ta’ drabi, propju minn Lulju li għadda. Spjega li t-tiswijja ta’ arblu bħal dan huwa responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex. Spjega li ġiet ikkuntattjata wkoll l-Enemalta li wiegħdet li se tkun qed tneħħi l-arblu hi stess.