Qed jippakkja lin-nies bħas-sardin – Callus dwar il-housing

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus ikkritika lill-Gvern fuq il-proġetti tal-housing proposti fis-Siġġiewi. Waqt il-ħin tal-aġġornament, Callus qal li l-Gvern se jippakkja kemm jista’ jkun nies qishom sardin, basta jnaqqas il-lista ta’ stennija, mingħajr ma jipprovdi l-ebda spazji miftuħa.

Huwa qal li qrib il-grawnd tal-futbol tas-Siġġiewi se jakkomoda xejn anqas minn 193 appartament mingħajr post fejn jintrema ż-żibel.

“Jekk nitfa 3000 ruħ jgħixu ġo sala nkun qtajt il-lista tal-housing, iżda bl-ebda mod ma nkun solvejt il-problema. Hekk qed jagħmel il-Gvern,” spjega Callus.

Callus qal li aktar minhekk, id-disinn tal-faċċata jixbaħ iktar binja ta’ żmien il-kommuniżmu milli ta’ Stat Ewropew tas-seklu 21. “Id-disinn medjokri fih innifsu qed jagħti timbru ta’ housing b’mod awtomatiku lil kull min jgħaddi minn quddiemu,” stqarr Callus.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fi proġett ieħor din id-darba, fi Triq it-Tank, se jkun hemm 35 appartament iżda 16-il garaxx biss. Hu appella lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiskatta politika ta’ kwalità fl-akkomodazzjoni soċjali mhux biss fis-Siggiewi iżda f’lokalitajiet oħra.

Fuq suġġett ieħor, Callus appella biex razzett fil-limiti ta’ Ħal Qormi ma jinbiddilx f’maħżen biex l-għaqda tan-nar tal-festa ta’ San Bastjan ikollhom minn fejn jaħarqu n-nar għaliex din hi l-aħħar biċċa art li fadal fejn din il-għaqda għandha għad-dispożizzjoni tagħha minn fejn jinħaraq in-nar.