Il-Gvern qal li l-proċess li għaddej bħalissa għal tiftix ta’ kumpanija jew konsorzju biex jibni l-mina bejn Malta u Għawdex qed issir biex jinkiseb l-aħjar valur għal dan l-investiment kapitali.
Fi stqarrija konġunta bejn il-Ministeru għat-Trasport u l-Ministeru għal Għawdex, il-Gvern qal li l-proċess huwa wieħed rigoruż li beda fl-2018 minn Infrastruttura Malta u li għadu għaddej sal-lum billi ftit tal-ġimgħat ilu nħarġet is-sejħa għall-Pre-Qualification Questionnaire b’kull dokumentazzjoni u formoli relatati disponibbli online. Din is-sejħa kienet imħabbra internazzjonalment fil-ġurnal tal-Unjoni Ewropea.
B’referenza għall-protest ġudizzjarju li kien imdaħħal minn għadd ta’ organizzazzjonijiet dwar il-proċess, il-Gvern qal li l-proġett huwa ntiż biex joħloq konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer bl-għan li jingħelbu l-isfidi li jesperjenzaw ta’ kuljum ħaddiema Għawdxin, familji u pazjenti li jkollhom jaqsmu. Il-Gvern stqarr ukoll li l-mina se ssaħħaħ mhux biss l-ekonomija Għawdxija iżda jsaħħaħ l-iżvilupp soċjali permezz ta’ kwalità tal-ħajja aħjar.
Il-Gvern stqarr li qed jagħti l-importanza lil dan il-proġett għax qed jgħarraf il-kunsens nazzjonali li hawn dwaru u qed jifhem il-bżonn li din il-konnessjoni ssir.
Peress li dan huwa proġett maġġuri, il-Gvern qal li se jkun qed jieħu ħafna attenzjoni fuqu biex josserva li x-xogħol ta’ ppjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina.
Il-Gvern qal li l-istudji li tlestew u li ġew ippublikati huma:
- Preliminary analysis – assessment of road tunnel options between Malta and Gozo
- Economic cost benefit analysis of strategic options
- Social impact assessment
- Geological and geotechnical investigation
- Project description statement
- Investigative coring
- ToR for appropriate assessment
- ToR for environmental impace assessment
- A study about the tunnel between Malta and Gozo
- Forecasts for traffic flows through the Malta-Gozo tunnel
- Conceptual design
Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li għadha ma teżisti l-ebda informazzjoni soda u rigoruża, u li hija pubblika, li permezz tagħha wieħed ikun jista’ janalizza l-alternattivi kollha biex l-aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex titjieb.