Qed jinġibed 35% iktar ilma tal-pjan

Fil-11-il sena ta’ bejn l-2004 u l-2014, kull persuna residenti f’Malta żiedet l-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan b’iktar minn 35%.
Waqt li użajna ħafna iktar ilma naturali, l-iktar minħabba l-agrikoltura, tajna lura lill-art medja ta’ 1.2% inqas kull sena.
Dawn iċ-ċifri ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent imfakkar illum. Din is-sena, it-tema hi “Seba’ biljun ħolma. Pjaneta waħda. Nikkonsmaw bil-galbu”.
Fejn jidħol l-iskart, waqt li naqset il-ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż, bi  kważi bin-nofs, żdied bi kwart l-iskart l-ieħor, biex fl-aħħar 10 snin Malta rat żieda ta’ 16% fil-volum tal-iskart iġġenerat. Fl-2013, ras għal ras, kull persuna f’Malta ġġenerat bi kważi tunnellata ta’ skart (0.9 tunnellata).
L-NSO qal ukoll li fejn jidħlu l-fuels, Malta rat żieda kull sena fil-kwantità użata, l-iktar minħabba l-ġenerazzjoni tal-enerġija, imma fl-2013 kien hemm tnaqqis ta’ ftit iktar minn 18% minħabba l-bidla fil-mod kif il-pajjiż jiġġenera l-enerġija.