“Qed jiġri dan kollu għal erba’ soldi fil-but” – L-Arċisqof

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li “l-mostru” tal-kostruzzjoni li nħoloq mill-bnedmin stess qed “jgħaffiġna”. Qal li dan kollu għal erba’ soldi.

Hu qal dan f’intervent waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, fejn is-suġġett ewlieni tad-diskussjoni kienet l-industrija tal-kostruzzjoni, fid-dawl tal-inċident li ħasad il-ħajja ta’ Miriam Pace nhar it-Tnejn li għadda.

L-Arċisqof sostna li ħadd m’għandu jipponta subgħajh lejn ħadd. Qal li hemm bżonn li kulħadd jagħmel eżami tal-kuxjenza u jistaqsi “x’kienet il-parti tiegħi f’dan?” Sostna li ladarba qed ngħixu f’soċjetà fejn jiġri x’jiġri bħal qisu xejn mhu xejn, mela allura kulħadd huwa kompliċi.

Irrimarka li l-każ ta’ nhar it-Tnejn li għadda mhux sitwazzjoni fejn familja spiċċat biss bla dar, iżda wlied tilfu lil ommhom, raġel tilef lil martu u mara tilfet ħajjitha. Irrimarka li hemm bżonn li t-tibdiliet kollha neċessarji jsiru u li l-awtoritajiet verament jaħdmu għall-ħarsien ta’ kull ċittadin.

Mons. Scicluna insista li l-pubbliku m’għandux ifittex vendetta, iżda ġustizzja. Qal li dawk li kellhom xi parti fil-każ, għandhom iħallsu għal għemilhom. Talab li għall-futur kulħadd jaħseb dwar x’qed jagħmel lill-pajjiż u lilu nniffsu għal erba’ soldi fil-but.

“Allura erba’ soldi fil-but jiswew li nħarbtu is-sbuħija ta’ Malta għal erba’ kaxxi tas-siment? Jiswa li għal erba’ soldi fil-but billi tant ngħollu l-kirjiet, l-artijiet u l-bini, li ż-żgħażagħ tagħna ma jistgħux jaħsbu fil-futur?” staqsa l-Arċisqof.

Hu sostna li mhux biżżejjed li wieħed jgħid “qatt aktar”, imma għandu jgħid ukoll “x’se nagħmel jien biex dan il-mostru li ħloqna u li jgħaffiġna nwaqqfuh?”