“Qed jidħku bija” – Melvin Theuma

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-sensar fil-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, jidher li xejjen kull dubji tal-investigaturi li seta’ kien hemm attentat fuq ħajtu.

Il-gazzetta The Times dalgħodu rrappurtat li Theuma kkomunika wkoll mal-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima fejn ta żewġ raġunijiet għall-ġest li wettaq.

Skont il-gazzetta Theuma qal li hu ħass rimors kbir għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll li jinsab dispjaċut li mhux emmnut.

Theuma li ma jistax jitkellem, wera suba’ ‘l isfel bħala ġest li mhux minnu meta mistoqsi jekk kienx hemm attentat fuq ħajtu jew ġie mġiegħel ineħħi ħajtu b’idejh. Hu kiteb li qed jidhku bija meta rrefera għal fatt li mhux qed jiġi emmnut.

Hu għandu l-proklama biex jixhed fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne, ittieħed l-isptar erbat ijiem ilu fejn kien qed isofri minn ġrieħi serji. Il-Pulizija qalet li l-ewwel indikazzjonijiet juru li Theuma weġġa’ lilu nnifsu.

Huwa weġġa’ lilu nnifsu ftit sigħat qabel ma kien se jixhed waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista. Il-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma biex jikxef l-informazzjoni kollha li kellu dwar il-każ, kienet mistennija tiġi ppreżentata fil-Qorti.