Qed jheddu lis-sidien tal-pompi tal-petrol – GRTU

Bosta Pompi tal-Petrol li ssieħbu fil-franchising tal-Enemed irrapurtaw li ġew ikkuntatjati minn uffiċjali tal-istess kumpanija, biex jaraw jekk hux se jkunu qed jissieħbu fl-istrajk li beda llum minn wara s-6pm. Il-Kamra għan-Negozi Żgħar u Medji (GRTU) ordnat lill-membri tagħha tal-pompi tal-petrol biex jiefqu jagħtu servizz wara s-6pm.

AQRA: Aġġornata: Strajk tal-petrol wara s-6 pm

Fl-istqarrija il-GRTU spjegat kif l-uffiċjali kienu qed jaraw min se jkun qed jipparteċipa ħalli f’dak il-każ ikun hemm riperkussjonijiet fuqhom. Il-Kamra kkundanat l-aġir mill-kumpanija. Fil-fehma tal-GRTU l-kumpanija li hi suppost “indipendenti” qed tintuża għal skopijiet ulterjuri.

Il-Kamra kkonfermat li l-kuntratt tal-Enemed ma jistax iwaqqaf l-pompi tal-petrol milli jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom, u stqarret li se tkun qed tieħu l-passi meħtieġa biex tipproteġi l-membri tagħha.

“Il-Gvern għandu jidħol f’diskussjoni serja” – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu jidħol f’diskussjoni serja u kredibbli mal-GRTU biex tinsab soluzzjoni għat-talbiet li qed isiru mill-GRTU.

AQRA: Pompi tal-petrol: Mhux se jingħataw iż-żidiet mitluba mill-GRTU

Il-Viċi Kap u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija, David Agius qal li s-sitwazzjoni ġabha b’idu l-Gvern u se tkun qed tolqot ħażin lill-Maltin u lill-Għawdxin. Kompla jgħid li filwaqt li l-Gvern għandu l-obbligu li jgħin is-sidien tal-pompi tal-petrol, huwa jista’ jagħmel dan mingħajr ma jgħolli l-prezzijiet. Filwaqt li ddeskriva n-negozjati tax-xiri taż-żejt bħala ħżiena, Agius qal li l-prezzijiet setgħu faċilment baqgħu baxxi kieku n-negozjati ma kienux ħżiena.

AQRA: Pompi tal-petrol: Mhux se jingħataw iż-żidiet mitluba mill-GRTU

“Il-PN jitfa’ l-piż fuq il-poplu” – PL

Fi stqarrija l-Partit Laburista b’reazzjoni għal dak li qal il-Partit Nazzjonalista, qal li s-soluzzjoni tal-PN hi li l-Gvern jaċċetta t-talbiet li qegħdin isiru mill-GRTU u għalhekk jitfa’ l-piż fuq il-konsumaturi. Il-PL kompla jgħid li l-pożizzjoni li ħa l-PN tmur kontra l-pożizzjoni li kienet ittieħdet minn Gvern Nazzjonalista.

AQRA: Ċans ta’ azzjonijiet industrijali mill-pompi tal-petrol dalwaqt – GRTU