“Qed jgħajruha nies li ħadmet għalihom ħajjitha kollha” – iben Helena Dalli

Luke Dalli, iben il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli, qal li qegħdin jgħajruha nies li ilha taħdem għalihom ħajjitha kollha. Dan qalu b’referenza għall-furur li qam online wara li tħabbar li negozji bħal ristoranti se jkollhom marka li turi li jirrispettaw lil nies LGBTIQ.

Aqra: Tqum kontroversja dwar marka li turi li n-negozji jirrispettaw persuni LGBTIQ

F’kitba fuq Facebook, Dalli qal li ommu tat ħajjitha kollha biex ittejjeb ħajjet in-nies permezz tal-politika, kemm lill-minoritajiet, lil dawk fil-maġġoranza, lil dawk fil-bżonn u lil dawk inqas ixxurtjati. Għalhekk ħass li ma kienx ġust li bosta nies esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ din l-inizjattiva ġdida billi kitbu kummenti ta’ disprezz lejn il-Ministru, anke ta’ tgħajjir lejha, saħansitra nies li huma ħbieb ta’ binha stess.

Huwa temm jgħid li jiġri x’jiġri, hu kburi biha.

For the past 35 years my mum has given her life, her heart and soul to make people's lives better through politics. Be…

Posted by Luke Dalli on Tuesday, June 4, 2019

“Sticker ta’ insult għall-persuni LGBTIQ” – PN

B’reazzjoni għal din il-kampanja, il-Partit Nazzjonalista qal li din tpoġġi lil Malta fuq keffa ma’ pajjiżi fejn tiddomina l-intolleranza. L-istqarrija tal-PN, iffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, tgħid li ħadd mhu jifhem il-ħtieġa għal din il-kampanja u din il-marka meta dan hu prinċipju stabbilit fil-Kostituzzjoni. Buttigieg qalet li “qisu l-Ministru qed tipprova toħloq issue fejn fil-fatt ma hemm l-ebda issue.” Skont il-PN, din l-isticker hi ta’ insult għall-persuni LGBTIQ.

Stqarrija oħra tal-PN, din id-darba maħruġa mill-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista, tikkundanna din it-tikketta. L-FOIPN sostna li hu kontra l-liġi li xi ħadd jiddiskrimina persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Qal ukoll li b’din l-isticker, il-Gvern ikun qed ireġġa’ l-arloġġ lura.

“Ironika li l-PN qed jikkummenta fuq id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+” – PL

Intant, il-Partit Laburista ħareġ stqarrija li fiha qal li hija ironika li l-Partit Nazzjonalista ħareġ żewġ stqarrijiet f’ġurnata b’reazzjoni għal dan, u meta ftit ġimgħat ilu, Malta klassifikat l-ewwel fid-dinja għad-drittijiet u l-inklużjoni tal-persuni LGBTIQ+, il-PN ma lissinx kelma. Il-PL fakkar li kien hu li ġab diversi bidliet u drittijiet għal dawn in-nies.