Ritratti: “Qed jaqa’ ġebel mill-flyover” – Arrigo; “l-istess post” – Borg

Robert Arrigo - Facebook

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg xejjen it-tħassib dwar xquq f’wieħed miż-żewġ flyovers li nfetħu riċentament fil-Marsa. Dr Borg stqarr li dan ir-ritratt juri l-istess post li nġibdet l-attenzjoni dwaru l-ġimgħa li għaddiet, bid-differenza li ttieħed minn taħt u mhux minn fuq.

Fuq il-mezzi soċjali l-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo rrimarka li qed jaqa’ ġebel żgħir mill-Flyover tal-Marsa, filwaqt li fakkar li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett swiet €40,000. Arrigo qal li jekk din hija “fake news” għall-Ministru Ian Borg, ismu huwa Cristiano Ronaldo.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Borg qal li Arrigo huwa l-aħħar akkwist tat-tim tal-fake news tal-Partit Nazzjonalista. Kompla jispjega li dawk “li suppost huma ġebel li qed jaqgħu mill-għoli m’huma xejn ħlief materjal apposta, bħal foam ħafif, li sar temporanjament sakemm jitwaħħlu l-expansion joints tal-flyover fil-ġimgħat li ġejjin.  Żied jgħid li fadal li jsir l-aħħar saff ta’ asfalt fuq il-flyovers lesti u dik li se tinfetaħ dalwaqt.