“Qed jabbużaw mil-lakuni fil-liġi biex jeqirdu l-wirt kulturali” – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) jemmen li hemm sforz kontinwu mill-awtoritajiet konċernati biex jisfruttaw lakuni fil-liġijiet li jipproteġu l-wirt Malti, u b’hekk jieħdu dak li jridu à skapitu tal-ambjent.
Barra minn hekk,tenna t-talba li għamel il-ġimgħa l-oħra meta kien qed jitkellem dwar Villa Sant’Injazju, u sostna li atti li jipperikolaw il-wirt kulturali, storiku jew ambjentali f’Malta jkunu suġġett għal azzjoni kriminali.
Il-Partit tal-Oranġjo kien qed jitkellem dwar iż-żona magħrufa bħala Tal-Qares fil-Mosta, żona li tinsab fi klassifika ‘A’ għall-importanza arkeoloġika tagħha, skont il-PD, li iżda ttieħdet deċiżjoni li titneħħielha l-ħamrija minħabba invstigazzjoni arkeoloġika li l-PD laqqam bħala skuża.
Diż-żona kienet f’kontroversja f’Otubru li għadda, meta l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qalet li sar studju li wera li das-sit kellu valur arkeoloġiku baxx, u għalhekk inħareġ il-permess biex AX Holdings jibni showroom, maisonettes, penthouses, appartamenti u garaxxijiet.
Il-PD talab biex dan l-istudju li semmiet il-PA tippubblikah u mhux iżżommu sigriet.
Fil-fatt il-partit qal li dis-segretezza hi fil-fatt għodda oħra li l-awtoritajiet jabbużaw minnha minħabba l-lakuni fil-liġijiet.
Fl-istqarrija l-partit isemmi wkoll ix-xogħlijiet li għaddejjin fis-sit Tal-Istabal f’Ħal Qormi li qed jheddu cart ruts ta’ Żmien il-Bronż, fdalijiet tal-fuħħar u qabar imħaffer fil-blat ta’ Żmien ir-Rumani.
Itemm jitlob lill-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, biex iċaqlaq l-ilma qiegħed hu stess, iżda appella wkoll għall-voluntiera u l-NGOs biex ma jiqfux f’ħidmiethom.