Filmat: Qed iweġġgħu xi 3 LSEs fil-ġimgħa minħabba t-tqandil – UPE

Il-unjin tal-edukaturi UPE – Voice of the Workers qalet li qed iweġġgħu mat-3 Learning Support Educators (LSEs) fil-ġimgħa minħabba l-piż tal-istudenti li qed iqandlu.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-UPE quddiem il-Ministeru għall-Edukazzjoni fil-Furjana.

L-Uffiċjal Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone qal li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jobliga lill-LSEs jerfgħu piż ta’ 27 kilogramma ta’ kuljum. Żied jgħid li kantun ta’ 7 pulzieri jiżen ftit inqas minn 27 kilo u li b’hekk ifisser li LSEs iridu jqandlu daqs bennej. Qal li forst LSEs hemm nisa li għandhom 25 sa 60 sena.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar kemm hi kbira din il-problema, Sansone qal li jkun hemm medja ta’ madwar 5 sa 7 studenti f’kull skola f’Malta li jkollhom bonn jiġu merfugħin. Qal li hemm madwar 50 skola f’Malta.

Sansone qal li l-piż ta’ 27 kilo jisemma fil-job description handbook tal-LSEs. Qal li dan inkiteb fl-2007 bil-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Awtorità għas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol obbligati jirreveduh kull sentejn. Spjega li sal-2019 suppost saru ħames revijonijiet. Madanakollu, skont Sansone jidher li dawn qatt ma saru. Minkejja laqgħa li saret bejn il-UPE u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri, l-UPE baqgħet bla tweġiba sodisfaċenti.

Sansone spjega li bħala unjin qed jitolbu li LSEs jingħataw it-taħriġ meħtieġ biex ikunu jafu kif għandhom iqandlu piż tqil. Qed jitolbu wkoll għar-reviżjoni tal-handbook tal-LSEs.

Id-Direttur tal-UPE għall-Iskejjel tal-Istat Rita Catania kienet preżenti wkoll għall-konferenza tal-aħbarijiet.

Fi stqarrija, l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) qalet li bħalissa għaddejja minn proċess sabiex il-job descriptions tal-gradi kollha li tagħhom għandha recognition, inkluż dak tal-LSEs, jiġu riveduti. Intqal li diġà saru listi ta’ proposti b’tibdiliet. Żiedet tgħid li għandha laqgħat skedati mal-Ministeru.